Internazzjonali

Rousseff tiddefendi ruħha fis-Senat tal-Brażil

 

Il-President tal-Brażil, Dilma Rousseff, li tinsab sospiża mill-kariga, tkellmet biex tiddefendi r-rekord tagħha waqt proċess għal-impeachment tagħha fis-Senat ta’ Brażilja.

Intant eluf kbar ta’ Brażiljani (favur u kontra Rousseff ) qed jistennew għal żblokk notevoli, meta Rousseff, tal-Partit Soċjalista Brażiljan, hi akkużata li mmanipulat il-baġit tal-Istat b’mezzi illegali u bl-iskop li taħbi żieda fl-iżbilanċ nazzjonali.

Sadanittant, Dilma Rousseff qed tiċħad l-allegazzjonijiet fejn sostniet li ‘għandha l-kuxjenza safja’ u li ma wettqet l-ebda reat. Rousseff, li daħlet fil-bini tas-Senat akkumpanjata mill-ħabib u eksPresident Brażiljan Soċjalista, Luiz Inacio Lula da Silva, fakkret lis-Senaturi li hi kienet eletta mill-ġdid bħala President minn aktar minn 54 miljun votant u li hi dejjem irrispettat u onorat il-Kostituzzjoni tal-Brażil.

Rousseff tkellmet ukoll dwar il-passat tagħha bħala membru tar-reżistenza kontra l-eksamministrazzjoni militari u qalet li dejjem emmnet f’soċjetà aktar ġusta u ugwali.

Fl-istess ħin, Rousseff enfasizzat li beħsiebha tkompli tirreżisti l-attakki kontra tagħha, li, skont hi, ‘qed jammontaw għal kolp ta’ stat fil-Brażil’. Dan waqt li hi sostniet li spiċċat vittma ta’ ‘akkużi inġusti rigward reati li ma wettqet qatt’.

Dilma Rousseff irreferiet ukoll ‘għall-perikli’ min-naħa tal-Gvern proviżorju mmexxi mill-Aġent President Brażiljan Michel Temer. Hi fissret li l-Gvern ta’ Temer għandu jillimita l-infiq pubbliku filwaqt li jaġixxi fl-interessi ta’ ‘elit ekonomiku esklussiv’.

Wara d-diskors, Rousseff wieġbet il-mistoqsijiet tas-Senaturi, bil-vot dwar l-impeachment potenzjali ( li jittieħed mis-Senaturi) mistenni jsir bejn għada u l-Erbgħa.

Dilma Rousseff għandha titlef il-Presidenza darba għal dejjem f’każ li 54 fost il-81 Senaturi fi Brażilja jivvutaw favur l-impeachment. F’każ ta’ konferma għall-impeachment, Michel Temer, li hu l-eks-Viċi-President ta’ Rousseff, għandu jkomplu bil-mandat tal-Presidenza sa Diċembru tal-2018.

Dilma Rousseff kienet sospiża mill-Presidenza f’Mejju li għadda b’konsegwenza tal-proċess pendenti.