Internazzjonali

Salvati l-eluf tal-immigranti f’impenn kbir umanitarju barra l-Libja

 

’Il fuq minn 6,500 immigrant kienu salvati mill-Mediterran, ftit ’il barra mil-Libja, grazzi għal sensiela ta’ missjonijiet ta’ salvataġġ kordinati li seħħew xi 20 kilometru lil hinn mix-xatt ta’ Sabratha.

Bejn il-lejl tat-Tnejn u llum saru ’l fuq minn 40 missjoni umanitarja f’dik iz-zona, bl-impenn jitqies bħala wieħed mill-akbar azzjonijiet ta’ dan it-tip għal ħafna snin. Ħafna mill-immigranti salvati, f’dan il-każ, ġejjin mis-Somalja u l-Eritrea u jinkludu numru sostanzjali ta’ nisa u tfal.

Waqt il-ħidma tas-salvataġġ, ħafna mill-immigranti spiċċaw jgħumu lejn il-bastimenti li ħadu sehem f’dan l-impenn umanitarju fost l-għajjat ta’ inkoraġġiment minn immigranti oħra fl-inħawi.  Spikkaw ukoll xeni ta’ immigranti u membri tal-qawwiet tal-baħar qed itellgħu t-trabi fuq il-bastimenti, fost il-kundizzjonijiet diffiċli.

Ir-rapporti qalu wkoll li l-immigranti kienu qed jivvjaġġaw b’opri tal-baħar iffullati u  li ma kenux jifilħu għall-istrapazz. Dan meta d-dgħajjes u d-dinghies tal-immmigranti kellhom biżżejjed fuel biex jaslu biss fiz-zona ta’ baħar fejn numru ta’ bastimenti kienu qed iħejju għall-impenn tas-salvataġġ fit-tul.

L-azzjoni umanitarja kienet tinvolvi bastimenti mill-Italja, kif ukoll mill-aġenzija Frontex, li tħares il-fruntieri tal-Unjoni Ewropea. Vapuri oħra li ħadu sehem fil-missjonijiet kienu tal-organizzazzjoni Proactiva Open Arms u l-grupp Medecins Sans Frontieres (MSF).

L-instabbiltà preżenti fil-Libja tfisser li dan il-pajjiż, illum, inbidel f’hub għat-traffikanti ta’ persuni. Proprju nhar il-Ħadd kienu anki salvati madwar 1,100 immigranti oħra fl-istess zona ta’ baħar, lil hinn minn Sabratha.

Matul is-sena li għaddiet, waslu l-Ewropa ’l fuq minn miljun immigrant – li ħafna minnhom kienu qed jaħarbu mill-gwerra ċivili tas-Sirja.