Internazzjonali

Salvati waqt vjaġġ bil-baħar mill-Greċja lejn l-Italja

Madwar 30 immigrant li kienu qed jippruvaw jaqsmu lejn l-Italja bil-baħar kienu salvati ftit ‘il barra mill-gżira Griega ta’ Lefkada matul il-lejl tat-Tnejn u t-Tlieta.

Din hi l-ewwel darba li grupp ta’ immigranti kienu salvati huma u jivvjaġġaw mill-Greċja lejn l-Italja, mindu, f’Marzu, ingħalqet il-fruntiera tal-art tal-Greċja mal-Maċedonja.

Ir-rapporti qalu li l-immigranti salvati mill-Baħar Joniku x’aktarx kienu spiċċaw abbandunati f’dinghy minn grupp ta’ traffikanti u ma ssemmietx in-nazzjonalità tagħhom.

Numru ta’ aġenziji internazzjonali, fl-aħħar jiem, semmew il-probabbiltà li mietu l-mijiet ta’ immigranti fil-Mediterran waqt numru ta’ vjaġġi li telqu l-ġimgħa l-oħra mill-kosta tal-Libja u li kien messhom destin traġiku.