Sport Waterpolo

San Ġiljan iġibu fix-xejn lil Sliema u jgħaddu għas-semifinali

San Ġiljan Salini Resort żammew it-tamiet ħajja li jirbħu l-erba’ tazzi din is-sena meta ġabu fix-xejn lil Sliema Betsson u rebħu 12-4 biex fl-istess ħin tellfu ċ-ċans ta’ rebħ tan-knock-out lil Sliema u komplew ikabbru l-problemi Slimiżi li qed jirriskjaw serjament li jispiċċaw l-istaġun mingħajr tazza minħabba li jinsabu sitt punti bogħod mill-quċċata fil-kampjonat. Fis-semifinali, San Ġiljan jilagħbu kontra Exiles Jetfreight.

Logħba bla storja li fiha San Ġiljan iddominaw mill-bidu sat-tmiem bi tliet gowls fil-bidu li wittew it-triq għal din ir-rebħa b’Sliema ma jwettqux reazzjoni denja mill-ewwel biex il-Ġiljaniżi setgħu jiddettaw il-logħob mingħajr problemi.

Il-Ġiljaniżi rebħu l-ewwel żewġ sessjonijiet bi skor identiku biex daħlu jistrieħu 8-2 minn fuq, b’diversi attakki li ħafna spiċċaw b’suċċess filwaqt li minn naħa l-oħra, Sliema kienu xotti wisq fl-attakk.

Biex l-affarijiet ikomplu sejrin ħżiena għal Sliema hekk kif wara li Edward Aquilina skorja t-tielet gowl Slimiż, tkeċċa wara xi protesti filwaqt li ftit wara l-captain John Soler tkeċċa wkoll wara li skont il-mejda, ħareġ jilgħab meta l-bandiera ma kinitx għadha għoliet, biex wara protesti ħarxa, tkeċċa b’karta ħamra mir-referee Mario Dalli.

Bil-partita mitmuma saħansitra fit-tielet sessjoni, ftit kien hemm skop tal-logħba ħlief li Sliema jippruvaw inaqqsu d-distakk biex ikollhom skor rispettabli, xi ħaġa li ma rnexxilhomx jagħmlu b’San Ġiljan jirbħu l-partita 12-4.