Sport Waterpolo

San Ġiljan jerġgħu jirbħu n-knock-out

San Ġiljan Salini Resort rebħu n-knock-out għad-disa’ darba meta f’partita mimlija emozzjoni għelbu lil Neptunes Grimaldi 12-10 fil-finali tan-knock-out. Logħba li ġiet deċiża wara li Neptunes irnexxielhom isalvaw il-logħba fl-aħħar ħames sekondi wara li kienu erba’ gowls minn taħt fl-aħħar sessjoni.

Mertu jmur għaż-żewġ timijiet li minkejja li wieħed kien jistenna attendenza aħjar, offrew spettaklu fl-ilma u b’partita bħal din hi ħasra li xi ħadd kellu joħroġ b’idejh. Neptunes issa jikkonċentraw biex jirbħu l-partita li jmiss biex jirbħu l-kampjonat filwaqt li San Ġiljan jittamaw pjaċir mingħand Sliema biex iżommu t-tama li jirbħu t-tazzi kollha dan l-istaġun u s-sitt wieħed konsekuttiv.

Kienu Neptunes li permezz ta’ Niki Lanzon fetħu l-iskor, iżda Aurelien Cousin u Andreas Galea dawru l-iskor b’żewġ gowls fi ftit ħin. Iż-żagħżugħ Galea żied ieħor fit-tieni sessjoni b’San Ġiljan jieħdu r-riedni tal-partita, bis-Serb Boris Vapenski jiskurja tripletta b’gowls minn pożizzjoni ċentrali biex daħħal lit-tim tiegħu 6-2 minn fuq.

Neptunes irkupraw b’żewġ gowls minn Cosmin Radu u Miguel Zammit, iżda San Ġiljan wieġbu b’lob mill-isbaħ ta’ Andreas Galea u gowls mill-viċin ta’ Ben Plumpton, b’Lanzon inaqqas id-distakk għal tliet gowls.

Fil-bidu tal-aħħar sessjoni Clint Mercieca għamel kabbar id-distakk għal erba’ gowls u deher li San Ġiljan setgħu għalqu l-partita. Iżda dan ma kienx il-każ b’Neptunes jidħlu fil-partita b’gowls minn Jordan Camilleri, Jeremy Abela u Niki Lanzon. Sakemm l-istess plejer b’ħames sekondi lejn it-tmiem ġab id-draw b’xutt minn pożizzjoni ċentrali biex il-partita marret għal ħin barrani.

Fl-ewwel sessjoni tal-ħin barrani l-partita ħadet żvolta differenti hekk kif tkeċċew fuq kull naħa Timmy Agius u Matthew Zammit, b’Jordan Camilleri jiġi fouled out ukoll. Iżda San Ġiljan irnexxielhom jieħdu l-vantaġġ b’lob preċiż ta’ Plumpton.

Il-Ġiljaniżi ħarġu jfittxu l-gowl fit-tieni sessjoni minħabba li spiċċaw is-sessjoni b’raġel aktar u fl-ewwel attakk skurjaw b’gowl mill-viċin ta’ Clint Mercieca. Lanzon reġa’ skurja iżda gowl ieħor mill-viċin ta’ Dino Zammit assigura r-rebħa.

Fi tmiem il-partita Anthony Scicluna mill-BOV flimkien mal-President tal-ASA Joe Caruana Curran preżentaw it-tazza lill-viċi captain Dino Zammit li mar jiġri ħdejn il-captain Matthew Zammit li ma setgħax jerfa’ t-tazza minħabba li tkeċċa.