Internazzjonali

Se jingħalaq kamp għall-immigranti fi Franza

Il-President Franċiż, Francois Hollande, qal li beħsiebu jagħlaq il-kamp għar-refuġjati – magħruf bħala ‘il-Ġungla’ – f’Calais, li ilu x-xhur sors għall-inkwiet kbir. Intant, Hollande qed jippjana biex jitrasferixxi mad-9,000 immigrant lejn numru ta’ ċentri madwar il-pajjiż.

Meta ppreżenta, għall-ewwel darba, il-pjani dettaljati dwar ‘il-futur tal-kamp’, Hollande tenna li l-immigranti se jingħataw żmien sa erba’ xhur biex ifittxu l-kenn politiku.

Dan wara li l-President kellu jiffaċċja kritika kbira dwar il-kundizzjonijiet miżerabbli fil-kamp ta’ Calais, li hu stess fissirhom bħala ‘inaċċettabbli’.

Il-kummenti tiegħu ngħataw waqt li Mexxejja oħra tal-Unjoni Ewropea kienu qed jiltaqgħu fi Vienna, fl-Awstrija, biex jiddiskutu l-kriżi.

Il-kamp magħruf bħala ‘il-Ġungla’ sar simbolu tal-falliment tal-Ewropa biex tikkontrolla l-kriżi tar-refuġjati li żviluppat mir-reġjuni tal-Afrika u l-Lvant Nofsani. L-inħawi tal-kamp anki servew bħala xenarju kontinwu ta’ vjolenza, fost l-attentati kontinwi tal-immigranti biex jitilgħu fuq trakkijiet destinati għar-Renju Unit u fejn spikkaw il-konfronti max-xufiera u l-pulizija.