Internazzjonali

Se jirriżenja l-PM Tork

Rapporti minn Ankara qalu li l-Prim Ministru Tork, Ahmet Davutoglu, għandu jirriżenja mill-kariga waqt kungress straordinarju tal-Partit Iżlamiku AK li jsir aktar tard dan ix-xahar.
Rapporti li l-kungress għandu jsir fit-22 ta’ Mejju daħlu wara li Davutoglu kellu taħditiet mal-kapijiet ewlenin tal-partit. L-ispekulazzjoni dwar ir-riżenja ‘imminenti’ ta’ Davutoglu kienet ilha tbaqbaq mindu Davutoglu kien jiddiżapprova mill-pjani tal-President Tayyip Erdogan biex it-Turkija jkollha sistema ta’ Gvern fuq stil Presidenzjali.
Kien Erdogan li għażel lil Davutoglu bħala kap suċċessur tal-Partit AK wara li hu kien elett President tat-Turkija fl-2014. Ahmet Davutoglu, li hu wkoll eksMinistru għall-Affarijiet Barranin, fl-aħħar xhur ipprova jkabbar il-profil tiegħu biex juri li ‘mhux pupazz f’idejn awtoritajiet akbar’. Dan mindu hu sar Prim Ministru tat-Turkija, f’Awwissu tal-2014.