Internazzjonali

Se jissospendu tfittxija għall-ajruplan tal-Malaysia Airlines

It-tfittxija għall-ajruplan tal-Malaysia Airlines li għeb, fl-2014, waqt titjira minn Kuala Lumpur lejn iċ-Ċina għandha tkun ‘sospiża aktar milli magħluqa’. Dan fil-każ li l-ajruplan ma jinstabx fis-search area attwali.
L-informazzjoni ħarġuha uffiċjali involuti fit-tfittxija, wara li ċ-Ċina, il-Malasja u l-Awstralja kienu qablu biex itemmu din it-tfittxija f’zona lejn in-nofsinhar tal-Oċean Indjan f’każ li ma kellhiex tfeġġ ‘informazzjoni ġdida u kredibbli’.
It-titjira MH370 tal-Malaysia Airlines kienet qed iġġorr 239 passiġġier u membri tal-ekwipaġġ meta ntilef kull kuntatt magħha, fit-8 ta’ Marzu tal-2014. Sallum ħadd ma jaf id-dettalji ‘tal-aħħar sekondi’ tal-ajruplan u l-qraba tal-vittmi ilhom jitolbu lill-awtoritajiet ikkonċernati biex ikomplu bit-tfittxija sakemm jinstabu l-fdalijiet tiegħu.
L-aħbar li t-tfittxija għandha tkun sospiża segwiet laqgħa fil-Malasja għal ministri minn dan il-pajjiż u oħrajn miċ-Ċina u l-Awstralja. F’din il-laqgħa, il-ministri rrikonoxxew li ‘qed tonqos dejjem il-probabbiltà li jinstab l-ajruplan tal-linja Malasjana’, meta għad fadal ‘biss’ li jkunu analizzati anqas minn 10,000 kilometri kwadri tas-search area indikat fl-Oċean Indjan.
Kemm ilha għaddejja t-tfittxija għall-ajruplan intefqu l-ekwivalenti ta’ 101 miljun lira Sterlina, li jfisser li l-missjoni kienet l-aktar li qatt swiet flus fl-istorja tal-avjazzjoni.
Fit-tfittxija, li qed titmexxa mill-Awstralja, u li qed tkopri search area ta’ 120,000 kilometru kwadru fin-nofsinhar tal-Oċean Indjan, intużaw id-drones għal taħt il-baħar u diversi tipi ta’ tagħmir sonar.
Filwaqt li l-awtoritajiet u l-esperti ‘ikkalkulaw’ li l-ajruplan kien niżel proprju f’dik iz-zona tal-oċean, baqa’ ma nstab xejn li hu ‘relatat għal Titjira MH370’ fl-inħawi. Dan waqt li l-ministri u l-uffiċjali tal-Malasja, l-Awstralja u ċ-Ċina, waslu fi qbil kollettiv li t-tkomplija tat-tfittxija, għalissa, ma titqiesx bħala ‘vjabbli’.