Lokali

Sejħa għal pagi u kundizzjonijiet aħjar għall-gwardjani lokali

Il-Gwardjani lokali għandhom ikunu mħallsa daqs security guards privati. Sostna dan is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Joseph Bugeja waqt konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-gwardjani lokali quddiem il-kwartieri tal-kumpanija G4S f’San Ġwann.

Joseph Bugeja spjega li f’dawn l-aħħar snin, persuni li jagħmlu xogħol simili kellhonm xi forma ta’ żieda iżda l-gwardjani lokali baqgħu ‘l art.

Dan qed iwassal ukoll biex inqas nies jitħajjru biex isiru gwardjani lokali għaliex huma l-inqas li jitħallsu u l-iktar li jiffaċċjaw il-pubbliku minħabba n-natura tax-xogħol tagħhom.

Is-Segretarju tat-Taqsima Servizzi u Professjonisti tal-GWU Charlie Galea qal li bħalissa hawn madwar 100 gwardjan lokali madwar Malta u Għawdex. Suppost hemm erba’ gwardjani assenjati għall-kolliżjonijiet fit-toroq imma bħalissa hemm tnejn biss minħabba li t-tnejn l-oħra weġġgħu waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.

Bħala eżempju tad-diskrepanza li hemm bejn il-gwardjani u gradi oħrajn, Galea semma l-uffiċċjali tal-Enforcement ta’ Transport Malta li jinsabu fi skala 13 fis-settur pubbliku, filwaqt li l-gwardjani lokali, li għandhom ferm iktar xogħol fuq it-toroq, bilkemm imissu l-iskala 16.

Iktar tard, delegazzjoni tal-GWU mistennija tiltaqa’ mad-Direttur tax-Xogħol. L-uffiċjali tal-union mhux jeskludu li jeskalaw l-azzjonijiet tagħhom.

RUN_3730