Internazzjonali

Sejħa tal-UE biex it-Turkija ddaħħal refuġjati Sirjani

Filwaqt li kibret il-kriżi tar-refuġjati Sirjani maqbudin mal-fruntiera bejn is-Sirja u t-Turkija, uffiċjali tal-Unjoni Ewropea qed iħeġġu biex it-Turkija ddaħħal għexieren ta’ eluf ta’ refuġjati li spiċċaw iżolati fl-inħawi ta’ Kilis, fiz-zona tal-fruntiera.

Ir-refuġjati qegħdin jaħarbu mill-konflitt kontinwu fis-Sirja u l-Kap tal-Politika Barranija tal-Unjoni Ewropea, Federica Mogherini, qalet li kull pajjiż u entità għandu d-dover morali, jekk mhux legali, li joffru l-protezzjoni lin-nies f’periklu.

It-Turkija, sadanittant, qalet li r-refuġjati qegħdin jirċievu ikel u kenn ġewwa s-Sirja u li m’hemm l-ebda ħtieġa li t-Torok iħalluhom jaqsmu lejn pajjiżhom. Madwar 35,000 Sirjani ħarbu mill-offensiva li l-Armata tal-Gvern Sirjan, bħalissa, qed tmexxi fuq il-pożizzjonijiet ikkontrollati minn ribelli fil-madwar ta’ Aleppo, fis-Sirja.

Federica Mogherini qalet li l-UE qed tipprovdi finanzjament lit-Turkija biex taċċerta li l-pajjiż ‘għandu l-mezzi u r-riżorsi ħalli jipproteġi u jilqa’ lir-refuġjati li qegħdin jippruvaw għall-kenn politiku’.

L-appell ta’ Mogherini kien ripetut minn Johannes Hahn, il-Kummissarju responsabbli mit-Tkabbir tal-UE u l-Ministru Olandiż għall-Affarijiet Barranin, Bert Koenders, li pajjiżu għandu l-Presidenza attwali tal-Unjoni Ewropea.