Lokali

Sena wara, l-Gvern se jagħmel dak li propona l-Kap tal-PN Simon Busuttil, li jitneħħa l-libell kriminali – il-PN

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li jinnota b’sodisfazzjon l-aħbar li l-Gvern se jkun qed jimplimenta l-impenn li għamel sena ilu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, jiġifieri li jitneħħa l-libell kriminali.

Fi stqarrija mill-Kelliem għad-Drittijiet taċ-Ċittadin Clyde Puli, il-Partit Nazzjonalista fakkar li kien fil-25 ta’ Ottubru tas-sena li għaddiet meta l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, waqt li kien qed jindirizza l-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista f’Għawdex, kien ta l-impenn tiegħu li jitneħħa l-libell kriminali. Aktar tard is-sena li għaddiet, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista nkluda dan l-impenn fid-dokument ‘Nibnu Fiduċja Ġdida fil-Politika’ – waħda minn aktar minn 100 proposta li saru mill-Partit Nazzjonalista għal governanza nadifa. Din il-proposta tiprovdi għal ġurnaliżmu aktar ħieles kif jixraq lil pajjiż modern.

Il-Partit Nazzjonalista qal li t-tneħħija tal-libell kriminali huwa importanti, fost l-oħrajn, fid-dawl tal-ġlieda preżenti kontra l-korruzzjoni, biex b’hekk, il-ġurnalisti jkunu jistgħu jwettqu l-investigazzjonijiet tagħhom mingħajr ebda biża’.

Il-Partit Nazzjonalista temm jappella lill-Gvern biex issa, jeħles ukoll lill-Kamra tal-Aħbarijiet tal-istazzjon nazzjonali mill-influwenza politika ta’ Kastilja, biex id-dritt taċ-ċittadin għall-informazzjoni jkun tassew imħares. Sal-lum, il-PBS ma jistax iwettaq dmiru kif jixraq għaliex hu biss strument ta’ propoganda tal-Gvern.