Għawdex Lokali Qorti

Sentejn ħabs għal Somalu wara li seraq vettura

Somalu ta’ 21 sena residenti l-Munxar ġie kkundannat sentejn ħabs, kien ordnat iħallas is-somma €2,300 u kellu liċenzja tas-sewqan sospiża għal sena hekk kif tressaq b’arrest il-Qorti u ġie akkużat li fit-3 ta’ Frar 2016 ġewwa l-Munxar stess seraq vettura, saqha mingħajr ma kien kopert b’polza tal-assikurazzjoni u li kkaġuna ħsara fuq l-imsemmija vettura, flimkien ma’ ħsara fuq tlett vetturi oħra. Huwa ġie akkużat ukoll li rrifjuta li jagħti kampjun meħtieġ ta’ nifs, fost akkużi oħra. Huwa ammetta l-akkużi miġjuba kontrih

Tressaq ukoll ġuvni ta’ 26 sena, residenti l-Fontana, li ġie akkużat li fil-31 ta’ Jannar 2016 ġewwa x-Xagħra, Għawdex, ħebb għal raġel ieħor, kiser kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti u li rrenda ruħu reċidiv fost akkużi oħra.

Huwa wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u ġie mmultat is-somma ta’ €500, kif ukoll kellu ordni ta’ probation estiża b’sena.

Iż-żewġ każijiet instemgħu fil-Qorti t’Għawdex quddiem il-Maġistrat Paul Coppini. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri.