Għawdex Lokali Qorti

Sentejn priġunerija għal żagħżugħ Somalu li seraq vann, kisser tliet vetturi u faċċata ta’ Kunvent

Żagħżugħ Somalu ta’ 21 residenti l-Munxar kien ikkundannat sentejn priġunerija, filwaqt li kien immultat €2,300 u kellu l-liċenzja tas-sewqan sospiża għal sena wara li l-Erbgħa li għadda filgħaxija seraq vann u ħarab bih fid-direzzjoni tar-Rabat Għawdex.

Minn informazzjoni li kiseb NETnews.com.mt jirriżulta li fi triqtu, iż-żagħżugħ ħabat bil-vann ma’ tliet vetturi oħra u anke baqa’ dieħel fil-faċċata ta’ Kunvent li jinsab fir-Rabat. Kif fil-post waslu l-Pulizija, hu rreżista l-arrest, tant li rrifjuta wkoll milli jagħti kampjun meħtieġ ta’ nifs.

Jumejn wara, hu tressaq il-Qorti akkużat fost l-oħrajn li seraq il-vettura, saqha mingħajr ma kien kopert b’polza tal-assikurazzjoni u anke kkaġuna ħsara fuq il-vettura u fuq it-tliet vetturi l-oħra. Hu ġie akkużat ukoll li rrifjuta li jagħti l-kampjun tan-nifs.

Fil-Qorti, is-Somalu ammetta l-akkużi miġjuba kontrih u kien ikkundannat sentejn priġunerija, ordnat iħallas €2,300 u kellu l-liċenzja tas-sewqan sospiża għal sena.

Żagħżugħ immultat u b’ordni tal-probation estiża wara li sar reċidiv
Sadanittant, f’każ separat, żagħżugħ ta’ 26 sena mill-Fontana ġie mmultat €500 u kellu l-ordni ta’ probation estiża b’sena wara li ammetta li sar reċidiv meta kiser kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti.

Il-każ seħħ fil-31 ta’ Jannar li għadda meta ż-żagħżugħ ħebb għal raġel ieħor fix-Xagħra. Fost l-akkużi, hu ammetta wkoll li kiser il-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti u għalhekk irrenda ruħu reċidiv.

Iż-żewġ każi dehru quddiem il-Maġistrat Paul Coppini, filwaqt li l-Ispettur Bernard Spiteri mexxa l-Prosekuzzjoni.