Lokali

Sessjoni speċjali dwar it-tibdil fil-klima – waħda mill-laqgħat taċ-CHOGM

Bħala waħda mill-laqgħat tac-CHOGM, saret sessjoni speċjali fuq it-tibdil fil-klima. Dan hekk kif illum fi Franza, f’Pariġi se jibdew jaslu l-mexxejja dinija għas-Summit bl-iskop li jindirizza t-tibdil fil-klima.

Il-bieraħ filgħaxija saret konferenza tal-aħbarijiet sabiex ikun spjegat dak li kien diskuss waqt din is-sessjoni speċjali. Din il-Konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata mis-Segretraju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Ban Ki Moon u anke mill-President Franċiż Francois Hollande, l-Prim Ministru ta’ Malta Joseph Muscat u s-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth.

Il-President Franċiż Francois Hollande spjega x’inhuma l-biżat tiegħu dwar il-qasam tad-tibdil fil-klima. Hu qal li l-aktar li jinkwetah hu kemm il-pajjiżi kollha tad-dinja huma konxji tal-bżonn li din il-kwistjoni tkun indirizzata. Qal wkoll li l-fatt li f’Pariġi llum jibdew jaslu uħud mill-mexxejja dinija, hu aspett pożittiv u kien għalhekk li minkejja l-attakki terroristiċi li saru ġimgħatejn ilu f’Pariġi, ma riedx li jikkanċella s-Summit.

Francois Hollande wasal f’pajjiżna l-bieraħ stess wara nofsinhar, ftit qabel bdiet is-sessjoni speċjali fuq it-tibdil fil-klima u ħalla pajjiża eżattament wara li s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti temm id-diskors tiegħu. Infatti Hollande ma weġibx għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti preżenti.

Minn naħa tiegħu s-Segretarju tan-Nazzjonijiet Uniti Ban Ki Moon qal li jinsab kuntent li saret s-sessjoni speċjali dwar it-tibdil fil-klima u dan qabel jiltaqghu f’Parigi għas-Summit, Summit fejn il-mexxejja politiċi se jwasslu l-miri tagħhom u dak li rnexxilehom jilħqu fil-qasam tad-tibdil fil-klima.

Ban Ki Moon qal li l-Commonwealth hi organizazzjoni unika għaliex tkopri 33% tal-popolazzjoni dinija. Semma’ kif fl-1988 il-Prim Ministru ta’ Malta qajjem l-għarfien u l-bżonn li jkun indirizzat it-tibdil fil-klima waqt assemblea tan-Nazzjonijiet Uniti. Ban Ki Moon qal li jispera li din tkun l-aħħar darba li nitkellmu fuq dan il-qasam sabiex forsi finalment is-Sibt, f’Parigi jintlaħaq qbil globali.

Spjega wkoll kif biex tkun indirizzata din il-kwistjoni l-pajjiżi kollha tad-dinja jirdu jkunu komessi billi l-iżvilupp fil-pajjżi rispettiv tagħhom ikun żvilupp verament sostenibbli. Li jkun indirizzat it-tibdil fil-klima hi biss waħda mis 17 il-punt li jridu jkunu indirizzati mill-pajjiżi fis-snin li ġejjin, kompla jgħid Ban Ki Moon. Jekk ma tkunx indirizzata l-punti l-oħra għalxejn ikunu indirizzati u tkun id-dinja li tmur minn taħt. Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti temm jgħid li jinsab kuntent li l-pajjiżi li qabel ma kinux jagħtu każ il-bżonn li tkun indirizzata l-problema tat-tibdil fil-klima, s-Sibt se jattendu għas-summit f’Parigi. Dan juri li anke dawn il-pajjiżi jew għarfu li qed jintlaqtu minn din il-problema jew inkella għarfu l-bżonn li jingħaqdu mal-bqija tal-pajjiżi tad-dinja kollha.