Ekonomija Lokali

Is-settur finanzjarju f’pajjiżna qed jiffaċċja numru ta’ sfidi

L-iskandlu tal-Panama fisser daqqa kbira għall-qasam finanzjarju u lill-kredibbiltà ta’ Malta, filwaqt li jirrifletti wkoll fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt laqgħa mal-membri tal-IFSP, l-Istitut li jirrappreżenta lill-professjonisti fis-Settur Finanzjarju. Simon Busuttil fakkar kif dan kien settur li twieled mix-xejn grazzi għall-impenn ta’ Gvernijiet Nazzjonalisti u dwaru dejjem kien hemm kunsens nazzjonali.

Iżda dan ma jfissirx li l-Partit Nazzjonalista ma jitkellimx fuq affarijiet li qed jinkwetaw lil kulħadd, inkluż l-iskandlu tal-Panama, li fih hemm imdaħħal Ministru Malti li s’issa għadu qed iservi bħala Ministru. Sostna li anke fis-Summit tal-Partit Popolari Ewropew staqsewh fuq Konrad Mizzi u jekk dan għadux hemm.

Minbarra l-iskandlu tal-Panama, is-settur finanzjarju għandu wkoll sfidi oħra, fosthom il-kwistjoni tad-Deputat Gvernatur tal-Bank Ċentrali, l-isfida tal-Brexit u l-attakki fuq iċ-Chairman tal-MFSA.

F’isem l-IFSP tkellmet Juanita Bencini, li spjegat kif bħala professjonisti jridu li l-qasam tas-servizzi finanzjarji jkompli jikber fis-snin li ġejjin.

Akkumpanjat mill-Viċi Kap tal-Partit għall-Ħidma fil-Parlament u Shadow Minister għall-Finanzi Mario Demarco, kif ukoll mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni għas-Servizzi Finanzjarji Kristy Debono, Simon Busuttil wiegħed li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jħares l-interessi tal-qasam tas-servizzi finanzjarji.