Lokali

Sidien jilmentaw minn telqa kbira fil-korsa taż-żwiemel tal-Marsa

Id-dilettanti qed juru d-dispjaċir tagħhom għall-kundizzjoni ta’ wiċċ l-art tal-korsa li spiċċat mimlija għadajjar tal-ilma wara li ftit ilu suppost sar manutenzjoni fuqha

Is-sidien u d-dilettanti taż-żwiemel jinsabu inkwetati li l-isport tagħhom ġie ittraskurat għalkollox u ftit li xejn qed isibu għajnuna mill-awtoritajiet. Fl-aħħar tliet snin il-Marsa tilfet ukoll ħafna mill-għajnuna li kellha mill-Kunsill Malti għall-Sport (KMS).

Fl-aħħar jiem, id-dilettanti bdew juru d-dispjaċir tagħhom għall-kundizzjoni ta’ wiċċ l-art tal-korsa li spiċċat mimlija għadajjar tal-ilma wara li ftit ilu suppost sar manutenzjoni fuqha.

Wara li fuq il-portal www.netnews.com.mt ttella’ rapport dwar l-istat tal-korsa tal-Marsa, matul l-aħħar jiem numru ta’ sidien u sewwieqa taż-żwiemel tat-trott u galopp komplew jagħmlu kuntatt ma’ din il-gazzetta biex iwasslu l-preokkupazzjoni tagħhom dwar l-istat ta’ telqa li fih jinsab il-kumpless tal-korsa tal-Marsa.

Sid ewlieni ta’ żwiemel tat-trott ilmenta li għalkemm matul ix-xahar ta’ Awwissu dan l-isport kien wieqaf u suppost intefa’ ramel ġdid fil-korsa jidher li dan xejn ma kienx ta’ kwalità tajba.

“Konferma ta’ dan hu l-istat tal-korsa u tal-art tal-paddock. Nhar il-Ħamis li għadda meta morna nħaddmu ż-żwiemel fil-paddock, dan kien qisu vaska tal-papri. Dan mhux sew għax aħna spejjeż kbar nagħmlu għaż-żwiemel tagħna. Dan x’ramel intefa’? U l-paddock ingħata manutenzjoni? ” tenna u staqsa wieħed mis-sidien.

“Jien nistaqsi fejnhom l-awtoritajiet, fejn hu l-Kunsill u x’qed jagħmlu r-rappreżentanti tagħna fil-Kunsill? Kull sena f’Settembru dawn ir-rappreżentanti jiġu jdejquna biex nivvutawlhom ħalli jitilgħu fil-Kunsill u mbagħad wara ma tarahomx b’nemes, jew inkella jindaħlu fejn jaqbel lilhom,” żied jgħid sid ieħor irrabjat li għamel kuntatt ma’ din il-gazzetta.

Sewwieq ieħor li wkoll hu sid u jsuq iż-żwiemel tiegħu stess, ilmenta li b’mod regolari ż-żwiemel tiegħu qed iweġġgħu kemm waqt it-taħriġ u anki waqt it-tiġrijiet.

“Mela aħna nixtru żwiemel ta’ klassi minn barra u nonfqu somom kbar biex imbaghad iweġġgħu wara ftit. Xbajna nġibu veterinarji biex jinvistaw iż-żwiemel tagħna u jgħidulna li ż-żwiemel qed iweġġghu minħabba l-kundizzjoni tal-korsa.

F’kunsill mimli sidien u sewwieqa li jqisu lilhom infushom esperti, nistennew aħjar. Din mhix biss l-opinjoni tiegħi iżda ta’ ħafna. Ġejna mwiegħda l-aħjar korsa tal-Mediterran mill-awtoritajiet u llum għandna biss korsa tal-mistħija,” tenna dan is-sid li kkonferma li ż-żwiemel tiegħu jiġru fl-ogħla klassijiet.

Min-naha l-oħra, jockey u sid ta’ żwiemel tal-galopp ma setax ukoll ma jurix il-preokkupazzjoni tiegħu għall-mod kif is-sidien u l-jockeys ta’ dawn it-tip ta’ żwiemel qed jiġu trattati mill-kunsill preżenti.

“Nifhem li s-sidien tat-trott ikunu rrabjati. Mela x’irridu ngħidu aħna. Tiġrijiet tal-galopp kważi mhu qed isiru qatt. Jgħidulna għax m’hawnx biżżejjed bhejjem tal-galopp biex tgħaqqad it-tiġrijiet. Mhux bilfors ma jkunx hawn meta għalina ma jsirx kalendarju u xi kultant jorganizzawlna xi tiġrija b’nofs kedda. Maż-żmien se niġu f’sitwazzjoni fejn ċertu tazzi importanti bħal Mediterranean Derby lanqas jibqgħu jsiru, għax min se jixtri żwiemel tal-galopp meta jaf li t-tiġrijiet ma jsirux kif suppost? Imbagħad jieħduha bi kbira għax tonqos l-attendenza tan-nies. L-aqwa li f’xi finali jġibulna nqassmu t-tazzi,” qal dan il-jockey.

L-appell ta’ dawk li tkellmu ma’ netnews.com.mt kien wieħed – li jittamaw li fil-jiem li ġejjin jittieħdu l-azzjonijiet neċessarji biex din is-sitwazzjoni tiġi rranġata għall-ġid ta’ kulħadd.