Ekonomija Lokali

Simon Busuttil f’laqgħa mal-ħaddiema ta’ Attard & Co

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil żar il-kumpanija Attard & Co, fejn iltaqa’ mal-ħaddiema u mat-tmexxija tal-kumpanija.

Fl-ewwel parti taż-żjara, Simon Busuttil żar l-uffiċini tal-kumpanija fil-Marsa, fejn iddiskuta mat-tmexxja l-andament ekonomiku u l-opportunitajiet li għandha l-kumpanija, li timporta prodotti ewlenin tal-ikel u xorb.

Wara, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista żar l-imħażen tal-kumpanija f’Ħal Qormi, fejn iltaqa’ mal-ħaddiema. Hemm, hu ngħata informazzjoni dwar il-prodotti li timporta l-kumpanija, kif ukoll l-effetti li s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea kellha fuq diversi prodotti meta nfetħu s-swieq.

Meta tkellem mal-ħaddiema, Simon Busuttil enfasizza l-importanza tal-ambjent tajjeb fil-post tax-xogħol. Tkellem ukoll dwar il-mod kif dan ikollu effetti pożittivi fuq l-operat tal-ħaddiema u fuq l-andament ġenerali tal-kumpanija.

Matul iż-żjara tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mill-President tal-Kumitat Eżekuttiv Ann Fenech.