Lokali

Simon Busuttil iżur l-istudios ta’ Radio 101

Fl-okkażjoni tal-25 sena mit-twelid ta’ Radio 101, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil għamel żjara fl-istudios tal-istazzjon fil-bidu tal-programm “Hitsteria”, immexxi minn Charles Saliba.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li llum il-ġurnata, wieħed japprezza aktar il-viżjoni ta’ Gvern Nazzjonalista fil-bidu tas-snin 90 favur il-pluraliżmu fix-xandir, li wasslet biex pajjiżna gawda minn numru ta’ stazzjonijiet differenti u mhux biss wieħed ipprovdut mill-Istat.

Simon Busuttil fakkar kif matul dawn il-25 sena, minn Radio 101 ħarġu numru kbir ta’ persuni, li wħud minnhom illum għadek issibhom ukoll fil-qasam tal-media u l-ispettaklu. Filwaqt li rringrazzja lil dawn il-persuni, li għamlu l-istorja ta’ Radio 101, hu rringrazzja b’mod partikolari wkoll lis-semmiegħa li b’lealtà baqgħu jsegwu lil dan l-istazzjon.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li għall-Partit, l-istazzjon tar-radju hu għodda importanti ħafna għax jgħin biex il-messaġġ jasal aktar għand in-nies. Sostna li permezz ta’ mezz tax-xandir bħalma hu r-radju, wieħed għandu jħossu ferm aktar viċin il-Partit u r-rappreżentanti tiegħu.

Simon Busuttil fakkar kif matul l-aħħar snin, kompliet il-ħidma biex il-media tal-Partit Nazzjonalista tibqa’ rilevanti għaż-żminijiet tal-lum. Fil-fatt, illum il-Partit reġa’ għandu l-media tiegħu mwaqqfa fuq saqajha, anke grazzi għall-entużjażmu tas-semmiegħa u tal-ħaddiema fid-Dar Ċentrali u Media.Link Communications.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni Clyde Puli, li ngħaqad ukoll fir-ringrazzjament lill-preżentaturi u lis-semmiegħa li għamlu dawn il-25 sena ta’ Radio 101 possibbli. Fl-istess waqt hu sellem u laqa’ wkoll lin-nies il-ġodda li, aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed jingħaqdu mal-istazzjon.

Min-naħa tiegħu, il-Kordinatur ta’ Radio 101 Charles Saliba spjega kif l-istazzjon qed ikompli jħares ’il quddiem. Xhieda ta’ dan hi wkoll il-ħidma li saret fl-aħħar xhur biex Radio 101 issa għaddej bi skeda ġdida għall-gosti ta’ kulħadd.

Interessanti l-fatt li t-tliet personalitajiet fl-istudio – Charles Saliba, Simon Busuttil u Clyde Puli – kienu lkoll parti mit-twelid ta’ Radio 101. Fil-fatt, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar kif 25 sena ilu, hu għamel numru ta’ xhur jaħdem fil-Kamra tal-Aħbarijiet tal-istazzjon waqt li kien għadu student universitarju.