Sport Waterpolo

Sirens fis-semifinali

Sirens Ritter Sport għaddew għas-semifinali tan-knock-out meta għat-tieni darba dan l-istaġun għelbu lil Valletta McDonalds 13-5. Logħba li fiha rebaħ it-tim li kien konċentrat l-aktar, bil-Beltin jsofru minn nuqqas ta’ konċentrazzjoni filwaqt li tilfu l-aktar plejers fondamentali fl-attakk f’mumenti importanti tal-partita. Sirens kienu nieqsa mingħajr il-kowċ Taljan Marco Baldinetti li ħalla Malta biex ikompli mat-tim tiegħu fil-kampjonat Taljan, b’John Farrugia se jkun qed imexxi t-tim sa tmiem l-istaġun.

Kienu proprju Valletta li marru fil-vantaġġ b’gowl mil-lemin ta’ Michael Spiteri Staines, iżda doppjetta tal-Ispanjol Sergi Mora dawret l-iskor. Cutajar għamel l-iskor 3-1 fil-bidu tat-tieni sessjoni, sakemm il-veteran Charlie Zammit naqqas il-marġni. Iżda t-tim ta’ San Pawl il-Baħar fetaħ distakk ta’ erba’ gowls meta ħa vantaġġ minn nuqqas ta’ intelliġenza tal-plejers Beltin.

Wara l-mistrieħ, wieħed kien qed jistenna reazzjoni minn Valletta li waslet b’doppjetta ta’ Daniel Paolella wara li Luke Caruana skurja għal Sirens. Iżda l-affarijiet komplew ġejjin ħżiena għal Valletta meta r-Russu Dimitri Kholod u Michael Spiteri Staines tkeċċew f’azzjonijiet separati, azzjonijiet li ħallew lit-tim mingħajr saħħa biex ikun jista’ jdawwar riżultat li diġà kien diffiċli.

Fl-aħħar sessjoni, Sirens bdew jamministraw tajjeb u baqgħu jattakkaw biex ikabbru l-vantaġġ bil-Beltin ma jirnexxilhomx iwettqu l-ebda reazzjoni biex kisbu rebħa netta.