Internazzjonali

Is-Sirja: Evakwati minn belt taħt assedju

 

Numru ta’ ribelli u ċivili fis-Sirja bdew jitilqu mill-belt ta’ Darayya, li ilha mill-2012 taħt assedju mill-qawwiet tal-Gvern Sirjan.

L-evakwazzjoni tal-belt, qrib ta’ Damasku, saret possibbli permezz ta’ ftehim speċifiku, bl-aħħar rapporti jgħidu li l-vetturi tal-fergħa Iżlamika tas-Salib l-Aħmar kienu qed iħejju biex jidħlu fl-inħawi ta’ Darayya.

Ir-residenti ta’ Darayya ilhom ix-xhur jiffaċċjaw il-bumbardamenti bla heda, minbarra li jbatu nuqqasijiet kbar ta’ ikel, ilma u dawl. Fil-fatt, kien biss f’Ġunju li ċ-ċivili f’Darayya waslulhom l-ewwel provvisti ta’ emerġenza.

Fi żviluppi oħra, is-Segretarju tal-Istat Amerikan John Kerry,  fl-Iżvizzera, iddiskuta l-kriżi tas-Sirja flimkien mal-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin Sergei Lavrov.

Il-laqgħa f’Ġinevra saret biex l-Istati Uniti u r-Russja jisponsorjaw waqfien mill-ġlied temporanju fil-belt Sirjana ta’ Aleppo fejn irrankaw il-battalji mdemmija bejn il-qawwiet tal-Gvern Sirjan u r-ribelli li jridu jwaqqgħu lill-President Sirjan Bashar al-Assad.