Internazzjonali

Is-Sirja: Ħtieġa għal ‘rotot umanitarji’ fil-kriżi ta’ Aleppo

 

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) trid li jitwaqqfu immedjatament ir-rotot tas-sigurtà biex is-Sirjani midruba u morda jkunu evakwati mill-aktar fis mill-inħawi ta’ Aleppo taħt assedju.

Kelliema fl-inħawi qalu li, fil-preżent, fadal biss 35 tabib biex jieħdu ħsieb il-mijiet tal-pazjenti maqbudin fiz-zona tal-Lvant ta’ Aleppo kkontrollata mir-ribelli li jopponu għar-reġim tal-President Sirjan, Bashar al-Assad. Dan meta l-ammont tal-pazjenti qed jiżdied minn żmien għal żmien, bil-provvisti mediċi qed jispiċċaw fl-inħawi taħt assedju.

Il-qawwiet tal-Gvern Sirjan, jiem ilu, bdew l-aħħar offensiva kbira fuq l-inħawi tal-Lvant ikkontrollati mir-ribelli, ftit wara li kkrolla l-ftehim għall-waqfien mill-ġlied.

Kemm ilha għaddejja din l-offensiva intensiva mill-ajru fuq Aleppo u l-madwar, mietu ’il fuq minn 250 persuna, kważi kollha ċivili. Dan waqt li l-Istati Uniti u l-alleati li jappoġġjaw lir-ribelli anti-Assad sostnew li l-attakki jikkostitwixxu reati tal-gwerra – bl-awtoritajiet fir-Russja jiċħdu kategorikament l-allegazzjoni.

Il-belt ta’ Aleppo, li darba serviet bħala l-hub industrijali u kummerċjali tas-Sirja, ilha mill-2012 maqsuma f’entitajiet diversi – bil-qawwiet tal-President Assad jikkontrollaw ir-reġjuni tal-Punent u bir-ribelli jokkupaw pożizzjonijiet fis-setturi tal-Lvant.

Sadanittant, is-sitwazzjoni tar-residenti f’Aleppo saret aktar iddisprata u l-kelliema għall-WHO, Fadela Chaib, qalet, waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Ġinevra (fl-Iżvizzera) li l-eskalazzjoni tal-ġlied qed issarraf f’dejjem aktar vittmi kuljum. Hi enfasizzat il-ħtieġa għar-‘rotot umanitarji’ li jiffaċilitaw l-evakwazzjoni tal-morda u l-feruti miz-zona tal-Lvant ta’ Aleppo.

Is-sitwazzjoni qed tiggrava meta, skont Chaib, ‘għaddejjin kuljum l-attakki fuq ċivili f’dawk l-inħawi’. Dan meta l-WHO wissiet li ċ-ċentri mediċi ta’ Aleppo jinsabu f’xifer ta’ kollass jew qerda totali.

Fil-preżent il-qawwiet tal-art tal-Gvern Sirjan qed jattakkaw distretti ta’ Aleppo kkontrollati mir-ribelli ‘minn erba’ fronti’, minbarra li jimmobilizzaw it-tankijiet tal-gwerra u l-vetturi armati għall-assalt.