Internazzjonali

Is-Sirja: Lejn kriżi umanitarja oħra f’Aleppo

In-Nazzjonijiet Uniti esprimiet inkwiet kbir dwar is-sitwazzjoni li qed tiżvolġi fil-belt Sirjana ta’ Aleppo. Dan wara li sensiela ta’ attakki intensivi fuq iz-zona ħallew ‘il fuq minn żewġ miljun persuna mingħajr ilma u li qegħdin jiffaċċjaw futur inċert għall-aħħar.

Fil-preżent l-Armata tal-Gvern tas-Sirja qed tmexxi offensiva ġdida fuq Aleppo wara li l-ftehim fraġli għall-waqfien mill-ġlied ikkrolla nhar it-Tnejn li għadda. Kelliema għall-qawwiet Sirjani sostnew li huma determinati li jieħdu lura kontroll tal-inħawi u fuq kollox is-sobborgi ta’ Aleppo li għadhom f’idejn il-gruppi tar-ribelli li jopponu lill-President tas-Sirja Bashar al-Assad.

L-aġenzija UNICEF inkarigata mill-protezzjoni tat-tfal żvelat li ma setgħux isiru tiswijiet kruċjali lill-infrastruttura li qed tipprovdi l-ilma liz-zoni lejn il-Lvant ta’ Aleppo minħabba l-offensiva li għaddejja bħalissa fl-inħawi. Rapporti qalu wkoll li faċilità oħra li tipprovdi l-ilma lill-kumplament tal-Aleppo intfiet, fl-aħħar sigħat, bħala ġest ta’ ritaljazzjoni.

Dan ifisser li kważi żewġ miljun ruħ fl-inħawi tal-Lvant u l-Punent ta’ Aleppo qed ikunu miċħuda mill-ilma li hu tajjeb għax-xorb, fost il-biża’ kbira dwar il-konsegwenzi katastrofiċi għas-saħħa.