Internazzjonali

Is-Sirja: Tamiet għal waqfien mill-ġlied f’Aleppo

Il-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergei Lavrov, qal li waqfien mill-ġlied unilaterali li ddikjara l-militar tas-Sirja seta jkun estiż lill-belt Sirjana ta’ Aleppo ‘fi kwistjoni ta’ sigħat’. Lavrov qal li r-Russja qed taħdem man-Nazzjonijiet Uniti u l-Istati Uniti biex Aleppo tkun inkluża ‘fir-reġim tal-kalma’ li ilu effettiv, għal dawn l-aħħar jiem, fl-ibliet Sirjani ta’ Damasku u Latakja.

Madankollu, ir-Russja wissiet li r-ribelli li jopponu lill-President tas-Sirja, Bashar al-Assad, ikunu jridu jitilqu minn zoni fejn il-qawwiet tal-Gvern Sirjan ( megħjuna mir-Russi) qed jikkonċentraw attakki fuq militanti li qed jiġġieldu gwerra qaddisa, jew jihad.

Fl-aħħar għaxart ijiem mietu aktar minn 250 persuna waqt vjolenza kontinwa f’Aleppo.
Sadanittant, rapporti qalu li f’każ partikolari, mietu 14 il-persuna fi sparar ta’ missili mir-ribelli anti-Assad li jinsabu fl-ibnadi ta’ Aleppo, ikkontrollati mill-Gvern Sirjan. Ingħad ukoll li tlieta minn dawn il-vittmi tilfu ħajjithom waqt attakk fuq sptar fiz-zona.

Ir-Rappreżentant tan-NU għas-Sirja, Staffan de Mistura, fl-aħħar sigħat mar fir-Russja biex jiddiskuti l-isforzi urġenti lejn it-tisħiħ ta’ sitwazzjoni nieqsa mill-ġlied fis-Sirja.