Internazzjonali

Is-Sirja: Twissija dwar il-vjolenza bejn it-Turkija u l-Kurdi

 

L-Istati Uniti qalet li l-ġlied fit-Tramuntana tas-Sirja bejn il-qawwiet tat-Turkija, ir-ribelli favur it-Torok u l-qawwiet Kurdi huwa ‘inaċċettabli’ u jeħtieġ li jieqaf.

Il-konfronti fl-inħawi Sirjani fejn mhumiex preżenti t-terroristi tal-ISIS saru ‘sors ta’ tħassib kbir’ skont ir-Rappreżentant Amerikan għall-koalizzjoni ta’ kontra l-ISIS li bagħat il-messaġġ partikulari fuq Twitter.

Filwaqt li l-qawwiet tat-Turkija qalu li attakkaw ‘terroristi Kurdi’ mindu qasmu l-fruntiera lejn is-Sirja, il-ġimgħa l-oħra, il-milizzji tal-Kurdi wieġbu li ‘it-Torok iridu biss li jokkupaw it-territorji Sirjani’. Il-Gvern tat-Turkija qal, intant, li hu impenjat biex ikeċċi lill-ġellieda Kurdi u daqstant ieħor lill-ISIS mill-fruntieri tiegħu.

Dan meta l-qawwiet Torok u l-gruppi tar-ribelli alleati mal-Armata għal Sirja Ħielsa, ġimgħa ilu, sfurzaw lill-ISIS ‘il barra mill-belt Sirjana ta’ Jarablus.

L-istess qawwiet u l-alleati, fl-aħħar jiem ibbumbardjaw il-villaġġi qrib ta’ Jarablus (fis-Sirja) li huma taħt il-kontroll tal-Qawwiet Demokratiċi tas-Sirja, immexxija mill-Kurdi, u li għandhom ukoll l-appoġġ tal-Istati Uniti.