Lokali

Sit elettroniku fl-Ażerbajġan jikkonferma li se jinqabeż deadline ieħor għall-Power Station il-ġdida

Konferma oħra, jekk kien hemm bżonnha, dwar il-possibbiltà dejjem tikber li l-Power Station il-ġdida se terġa’ tkun posposta minn Ġunju li ġej. Il-konferma issa waslet ukoll minn abc.az, sit elettroniku fl-Ażerbajġan li jitratta aħbarijiet relatati man-negozju li diversi kumpaniji fil-pajjiż jagħmlu barra minn xtuthom.

Dwar il-Power Station, li kienet il-wegħda ewlenija tal-Partit Laburista qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet, is-sit elettroniku Ażeri kkwota sorsi li spjegaw kif is-sejba tal-asbestos fit-tanker li se jkun sorġut fil-Bajja ta’ Marsaxlokk se jtawwal il-proċess biex it-tanker jasal f’pajjiżna.

Kemm qabel l-elezzjoni ġenerali kif ukoll wara li ġie elett Prim Ministru, Joseph Muscat sostna li jekk il-Power Station il-ġdida ma titlestiex fi żmien sentejn mill-elezzjoni, kien se jirriżenja. Madankollu, mhux talli l-Power Station ma tlestietx f’sentejn, talli issa se jinqabeż deadline ieħor li poġġa l-Gvern Laburista stess.

Iżda mistoqsi dwar dan mill-ġurnalisti, Muscat issa qed jaħrab milli jagħti data ċara ta’ meta din il-wegħda ewlenija tiegħu u tal-Ministru Konrad Mizzi se tidħol fis-seħħ. Minbarra deadline wara l-ieħor li ma ntlaħaqx, din il-wegħda ilha tirċievi ħafna kritika, hekk kif il-Gvern Laburista għamel tajjeb għal €360 miljun f’garanzija bankarja.

Dan meta, skont abc.az, hemm stimi differenti dwar kemm se jiġi jiswa dan il-proġett. Is-sit elettroniku Ażeri jgħid li l-istimi saħansitra jvarjaw bejn €175 miljun u €360 miljun. Ladarba din il-Power Station tibda tiffunzjona, il-Gvern Malti ntrabat ukoll li jixtri l-gass kollu għal 18-il sena mill-kumpanija tal-Gvern tal-Ażerbajġan Socar.