Lokali Qorti

Sitt snin u nofs ħabs wara li nstab ħati ta’ attentat ta’ hold-up fl-2010

Jason Galea kien ikkundannat sitt snin u nofs ħabs wara li nstab ħati li ħa sehem f’hold-up fuq ħanut ta’ ġojjelli fil-Belt Valletta fl-2010.

Galea – li hu wieħed mill-akkużati bil-qtil tliet snin ilu ta’ Mario Camilleri magħruf bħala “l-Imnieħru” – wieġeb mhux ħati tal-akkużi fost oħrajn ta’ serq aggravat, li żamm lil Frank Zampa ta’ 79 sena kontra l-volonta’ tiegħu u li kkaġunalu ġrieħi gravi.

Żewġ persuni oħra li kienu nvoluti fl-attentat ta’ serqa, Michael Zahra u Marcus John Calleja, intbagħtu tliet snin ħabs kull wieħed wara li ammettew l-akkużi kontrihom.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, innutat kif ir-rwol ta’ Galea kien li jżomm lil iben il-vittma.

Calleja kien xehed li meta hu, flimkien maż-żewġ kompliċi l-oħra daħlu fil-ħanut b’wiċċhom mgħammad u armati b’revolver u ħadid, hi qalet li Zahra spara tiri u l-ħallelin l-oħra inħasdu u ħarbu mill-post.

Fix-xhieda tiegħu, il-vittma Frank Zampa qal li ħass xi ħaġa tgħaddi żbrixx ma’ wiċċu hekk kif ir-revolver spara fil-viċin ħafna. Qal ukoll li sofra xi xokkijiet minn apparat użat minn Marcus John Calleja.

Il-Qorti nnutat li m’hemmx evidenza li turi li l-akkużat kien jaf li wieħed mill-kompliċi tiegħu kellu pistola. Għaldaqstant Jason Galea kien liberat mill-akkużi marbuta mal-użu ta’ arma tan-nar iżda nstab ħati tal-akkużi l-oħra ta’ attentat ta’ hold-up, li żamm persuna kontra l-volonta’ tagħha u li kien reċidiv.

L-Akkużat kien assistit mill-Avukat Veronique Dalli.