Lokali

“Skont id-De La Rue se jitnaqqsu 300 ħaddiem” – il-GWU

Il-General Workers Union fi stqarrija qalet li l-kumpanija qed tgħid li se jkollha tnaqqas madwar 300 haddiem fuq medda ta’ sentejn u nofs, bil-General Workers Union tgħid li se tħares l-interessi tal-ħaddiema fid-De La Rue.

Il-Union qalet li mhux taqbel mat-tnaqqis ta’ impjiegi u għalekk se tibda taħdidiet mal-kumpanija b’mod immedjat. F’dawn iċ-ċirkostanzi l-GWU qalet li se tkun qed iżżomm lil ħaddiema kollha infurmati bl-andament tal-proċess ta’ konsultazzjoni.

Il-GWU spjegat li skont il-pjan strateġiku, il-kumpanija għandha l-intenzjoni li tiddiversifika l-operat f’Malta billi tagħlaq is-sezzjoni tal-istampar tal-karti tal-flus biex minfloku tinvesti €21 miljun f’ċentru ta’ eċċellenza fil-produzzjoni ta’ prodotti ta’ Identità u Sigurtà.

B’riżultat ta’ dan ir-ristrutturar fis-sezzjoni tal-istampar il-kumpanija qed tgħid li se jkollha tnaqqas madwar 300 ħaddiem fuq medda ta’ sentejn u nofs, żiedet il-GWU u kompliet li d-delegazzjoni għolja Ingliża enfasizzat għal aktar minn darba, anke mal-ħaddiema, li se tidħol immedjatament f’konsultazzjoni mal-GWU dwar din is-sitwazzjoni u dwar l-ammont ta’ sensji.