Lokali Qorti

Skont Joe Vella Bonnici, il-PN “qala’ plejtu fuq erba’ applikanti”

Dalgħodu, fil-Qorti, komplew jinstemgħu r-Rikorsi li ppreżenta l-Partit Nazzjonalista kontra barranin li ngħataw id-dritt tal-vot kontra l-Liġi wara li xtraw iċ-Ċittadinanza Maltija bl-iskema tal-bejgħ tal-Passaporti.

Illum xehed għall-ewwel darba ċ-Chairman ta’ Identity Malta Joe Vella Bonnici, li stqarr li mhux jifhem għaliex il-Partit Nazzjonalista “qala’ plejtu fuq erba’ applikanti”. Min-naħa l-oħra, hu qal li kieku kien għal Identity Malta, dawn il-barranin lanqas biss daħlu fir-Reġistru Elettorali.

Quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, Vella Bonnici ma qalx x’inhuma l-kriterji biex barrani jixtri ċ-Ċittadinanza Maltija. Stqarr biss li Identity Malta tiltaqa’ mal-Aġenti tal-aplikanti biex tistabbilixi l-kriterji ta’ residenza, minkejja li l-perijodu ta’ kemm barrani jrid ikun ilu residenti f’Malta qabel jixtri l-Passaport suppost hu ċar.

Joe Vella Bonnici baqa’ ma tax dettalji dwar il-mod kif jinħarġu l-Passaporti lill-barranin li jidħlu fl-iskema li ħoloq il-Gvern Laburista.