“Id-dokumenti jikxfu kriminalità kbira… il-flus li qed jaħbu dawk li tniżżlu fil-lista mhumiex tagħhom”
Il-Partit tas-Soċjalisti Ewropej (PES), li tiegħu il-Partit Laburista hu membru, kellu kliem qawwi ta’ kundanna għal kull min tniżżel fil-lista li fiha jissemma’ Konrad Mizzi.
Fi kliem il-President tal-Partit tas-Soċjalisti Ewropej Sergei Stanishev, id-dokumenti żvelati fl-iskandlu ‘Panama Papers’ jikxfu l-kriminalità tas-sinjuri fuq skala li bħala qatt ma rajna qabel.
Il-kundanna tkompli, bil-PES jgħid li l-flus li qed jaħbu dawk kollha fil-lista, u allura anke Konrad Mizzi, m’humiex tagħhom għax huma flus il-poplu.
“Minflok, iddeċidew li jabbandunaw ir-responsabbiltajiet tagħhom lejn is-soċjetà” qal il-President tal-PES, li faħħar ix-xogħol tal-Konsorzju Internazzjonali tal-Ġurnalisti Investigattivi, li żvela l-lista. Lista li tinkludi lil Konrad Mizzi – l-uniku Ministru fl-Unjoni Ewropea li jissemma fiha.
Il-Partit tas-Soċjalisti Ewropej temm jgħid li jeħtieġ li l-Unjoni Ewropea ssaħħaħ l-impenn tagħha kontra pajjiżi li jintużaw biex tkun evitata t-taxxa jew biex isir il-ħasil tal-flus.
Ritratt: Il-Ministru Konrad Mizzi tniżżel fil-lista li l-PES ikkundanna bil-qawwa
//= $special ?>