Lokali

Sodisfazzjon li r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Bonello u l-proposti tal-Kamra tal-Avukati intlaqgħu mill-PN

Sodisfazzjon li r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Bonello u l-proposti tal-Kamra tal-Avukati intlaqgħu mill-Partit Nazzjonalista u kienu nkorporata fl-Abbozz ta’ Liġi mressaq mill-Oppożizzjoni l-Ħamis li għadda.

F’artiklu li deher fil-paġna ta’ wara tal-ġurnal Times of Malta, id-Dekan tal-Fakulta’ tal-Liġi fl-Universita’ ta’ Malta, il-Professur Kevin Aquilina ta din ir-reazzjoni għall-abbozz li tressaq sabiex issir riforma fil-ħatriet ta’ maġistrati u mħallfin.

Hu faħħar ukoll il-viżjoni tal-Kamra tal-Avukati li fil-proposti tagħha, daħħlet ukoll kriterji kwalitattivi li meta jidħlu fis-seħħ, jirrimedjaw nuqqas fil-Kostituzzjoni li l-uniku kriterju hu dak taż-żmien, li ma għadu l-istess għal dawn l-aħħar 80 sena, jiġifieri sa minn qabel l-Indipendenza.

Id-Dekan tal-Fakulta tal-Liġi qal li jaqbel ukoll mal-proposta li Maġistrat jew Imħallef irid ikollu 15-il sena esperjenza, li 10 minn dawn, irid jkunu prattika fil-Qorti, speċjalment għal dak li għandu x’jaqsam mal-Maġistrati. Dan għaliex il-poteri tagħhom żdiedu sew matul is-snin, b’mod partikolari ma’ dak li għandu x’jaqsam mal-liġi kriminali.

Il-Professur Aquilina qal li iktar ma l-Parlament jiddiskuti malajr ir-riformi fil-ġustizzja u l-ħatra tal-ġudikanti, iktar aħjar u fakkar li din il-kwistjoni ilha pendenti mill-konklużjoni tar-rapport tal-Kummissjoni mmexxija mill-Imħallef Emeritu Giovanni Bonello f’Novembru 2013.

L-Istess Giovanni Bonello saħaq li kemm il-Kummissjoni għar-Riforma tal-Ġustizzja u issa l-Kamra tal-Avukati u l-Abbozz tal-Partit Nazzjonalista identifikaw id-diskrezzjoni totali tal-politiċi li jaħtru l-membri tal-ġudikatura bħala prattika li għandha titwaqqaf minnufih.

F’kummenti mal-ġurnal, l-Imħallef Emeritu qal li Malta hu wieħed mill-aħħar pajjiżi demokratiċi li għadu jħaddan din is-sistema biex jaħtar il-ġudikanti. Il-pajjiżi demokratiċi kollha skartaw din is-sistema li timmina l-indipendenza u l-imparzjalita’ tal-gudikatura.

Mistoqsi dwar x’inhuma l-elementi kruċjali għas-sistema ta’ nomina u għażla, Giovanni Bonello qal li hemm bżonn ta’ żewġ elementi: imparzjalita’ minn min jagħmel l-għażel u l-mertu ta’ min hu magħżul.

B’mertu, Giovanni Bonello jifhem esperjenza, integrita’, dedikazzjoni, kuraġġ, għerf, għarfien akkademiku u saħħa quddiem l-intimidazzjoni.