Lokali Saħħa

‘Software update’ iwassal għal kollass fis-sistema tal-IT fiċ-Ċentri tas-Saħħa

Dak li kellu jkun ‘software update’ wassal għal kollass fis-sistema tal-IT fiċ-Ċentri tas-Saħħa.

Diversi persuni għamlu kuntatt ma’ NETnews biex jilmentaw dwar il-fatt li s-sistema tal-IT waqgħet għal kollox.

Minn informazzjoni li għandna jirriżulta li mill-ħsara fis-sistema magħrufa bħala CPAS, minbarra ċ-Ċentri tas-Saħħa, intlaqat ukoll l-Isptar Mater Dei.

Konsegwenza ta’ dan, Professjonisti mediċi ma setgħux jaċċessaw l-istorja medika tal-pazjenti, ma setgħux jirreġistraw pazjenti li daħlu għal trattament u lanqas ma setgħu jagħmlu appuntamenti ġodda għall-pazjenti.

Minħabba f’hekk, ħaddiema fiċ-Ċentri tas-Saħħa kellhom jipproċessaw l-informazzjoni b’mod manwali.

Dan wassal għal ħafna ilmenti minħabba li lill-pazjenti ntqalilhom li jridu jmorru darb’oħra biex jingħatalhom appuntament, ladarba tkun solvuta l-problema teknika.