Internazzjonali

Is-Somalja: Jisplodi trakk bomba f’Mogadishu

 

Splużjoni ta’ trakk bomba, barra lukanda, fil-kapitali Moghadishu ħalliet almenu 12-il mejtin u numru ta’ midruba, inklużi politiċi.

L-attakk kien dirett fuq zona ta’ sigurtà intensiva viċin il-Palazz Presidenzjali ta’ Mogadishu. Il-militanti Iżlamiċi tal-grupp al-Shabab – li hu affiljat mal-moviment al-Qaeda – aktar tard assumew responsabbiltà għad-dmija.

Il-lukanda fiċ-ċentru tal-attakk – is-Somali Youth League Hotel – hu ċentru popolari għall-uffiċjali u politiċi u din mhix l-ewwel darba li l-kumpless spiċċa mira ta’ vjolenza.

L-indikazzjonijiet kienu li, qabel l-attakk, il-lukanda kienet qed tħejji biex tilqa’ konferenza dwar is-sigurtà.

L-aħħar rapporti qalu li ‘t-terrorista’ li kien qed isuq it-trakk bomba żgiċċa miċ-checkpoints madwar il-Palazz f’Mogadishu u tajjar l-isplużivi fil-vettura minkejja l-interventi tal-qawwiet tas-sigurtà biex iwaqqfuh. Intant,  numru ta’ politiċi u ġurnalisti spiċċaw fost xi 30 feruti li ddaħħlu l-isptar għal trattament.

Il-militanti tal-grupp al-Shabab qed jiġġieldu biex iqaċċtu lill-Gvern Somalu appoġġjat min-Nazzjonijiet Uniti bl-intenzjoni li jwaqqfu Stat Iżlamiku fis-Somalja.