Lokali Qorti

Somalu jintbagħat fl-Isptar Monte Carmeli wara li kkaġuna ħsarat fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana

Somalu ta’ 21 sena intbagħat l-Isptar Monte Carmeli għall-kura wara li ġie stabbilit li kien fi stat ta’ psikożi meta kkaġuna ħsarat fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana fit-8 ta’ April li għadda.

Quddiem il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera, Abdimalik Ahmed Mohamed ammetta li kkawża l-ħsarat fiċ-ċentru tas-saħħa u li kkaġuna feriti ħfief lil ċertu Jesmond Mifsud.

Qabel għaddiet għas-sentenza, il-Qorti qabbdet lill-psikjatra David Cassar sabiex jeżamina l-istat mentali tal-akkużat. Fir-rapport tiegħu, il-psikjatra qal li meta seħħ ir-reat, l-akkużat kien qed ibati minn psikożi akuta u li x’aktarx kienet aggravata bil-konsum ta’ droga sintetiċi u possibilment kokaina.

Minn dakinhar tal-inċident, l-akkużat kien rikoverat fl-Isptar Monte Carmeli u beda jingħata trattament ta’ mediċini antipsikotiċi. Illum il-ġurnata hu jinsab stabbli iżda l-psikjatra Cassar ikkonkluda li Mohamed kien qed isofri minn psikożi akuta, dakinhar li seħħ l-inċident.

Skont l-evidenza mogħtija mill-eżami psikjatriku, il-Qorti kkonkludiet li żewġ elementi li huma meħtieġa sabiex tinstab responsabbilta’ legali, il-kapaċita’ intelletwali u r-rieda, kienu nieqsa meta twettqet l-offiża.

Għaldaqstant, il-Qorti ordnat li Abdimalik Ahmed Mohamed jinżamm fl-Isptar Monte Carmeli għall-kura sakemm dan ikun meħtieġ.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jeffrey Scicluna