Internazzjonali

Sospiża projbizzjoni tal-burkini fi Franza

L-ogħla qorti amministrattiva fi Franza issospendiet projbizzjoni oriġinali għall-malja magħrufa bħala burkini, li tgħatti l-ġisem kollu. Id-deċiżjoni, għalissa, titratta l-projbizzjoni partikulari li kienet imposta, jiem ilu, għall-inħawi ta’ Villeneuve-Loubet, viċin il-kosta tal-Mediterran.

Intant, il-qorti ddeċidiet li l-projbizzjoni ta’ Villeneuve-Loubet ‘kienet imposta illegalment u  b’abbuż għal-libertà fundamentali’. Kien anki ddikjarat li l-projbizzjoni tmur kontra l-libertà ta’ persuna li tesprimi t-twemmin reliġjuż tagħha.

Il-mandat tal-qorti ġdid jista’ iservi bħala preċedent għal xi 30 belt Franċiża li imponew projbizzjonijiet simili għall-bajjiet tagħhom, b’mod partikulari dawk fir-Riviera Franċiża.

Mistenni wkoll li l-qorti amministrattiva tieħu deċiżjoni finali dwar il-legalità ta’ dawn il-projbizzjonijiet.