Internazzjonali

Spanja: Elezzjoni għas-26 ta’ Ġunju wara xhur ta’ staġnar

Ir-Re Felipe VI ta’ Spanja xolja l-Parlament u sejjaħ ripetizzjoni ta’ elezzjoni ġenerali li ssir fis-26 ta’ Ġunju – kważi sitt xhur wara l-elezzjoni ġenerali inkonklużiva li saret f’Diċembru li għadda.

L-aħbar ġabet fi tmiem 135 jum ta’ taħditiet bla sustanza dwar il-formazzjoni ta’ koalizzjoni ġdida f’Madrid, fejn l-entitajiet politiċi ma irnexxilhomx jissuperaw id-diżgwid u s-sens ta’ rivalità biex jilħqu t-tragward.

Dan il-pass mir-Re Felipe kien mistenni, iżda xorta waħda qanqal gelgul ta’ reazzjonijiet mingħand il-politiċi, il-kummentaturi u personalitajiet pubbliċi.

Skont l-analisti, in-nuqqas, min-naħa tal-partiti Spanjoli, li jaslu fi ftehim għal Gvern li jinkludi numru ta’ entitajiet politiċi jirrifletti, f’parti, ‘sistema (tal-partiti) fluwida fi Spanja’, fejn l-entitajiet ġodda qegħdin jikkuntestaw kontra l-partiti tradizzjonali.

Fl-istess ħin, il-partiti qed isibu ruħhom imxekkla mid-diżgwid bejn il-lemin u x-xellug li ilu jikkaratterizza l-politika nazzjonali għal għexieren ta’ snin.

Il-kapijiet tal-partiti anki qed jinsistu li ftehim għal gvern baqa’ ma ntlaħaqx ‘minħabba l-aġir tar-rivali politiċi’. Dan meta Mariano Rajoy, il-Kap tal-Partit Popolari (PP) u l-Aġent Prim Ministru Spanjol, akkuża kemm-il darba lis-Soċjalisti li rrifjutaw li jissieħbu f’koalizzjoni taħt it-tmexxija tiegħu.

Min-naħa tiegħu, Pedro Sanchez, il-Kap tal-Partit Soċjalista Spanjol, attakka lill-moviment Podemos, li jopponi l-awsterità, talli ma aċċettax il-proposta tiegħu għal Gvern Spanjol immexxi mis-Soċjalisti. Il-Podemos, sadanittant, ikkundanna lis-Soċjalisti talli ma laqgħux l-istedina biex jiffurmaw Gvern tax-xellug.