Lokali

Spanjol b’feriti gravi wara argument ma’ barrani ieħor f’San Ġiljan

Spanjol ta’ 34 sena sofra feriti gravi wara li kien involut f’argument ma’ barrani ieħor f’San Ġiljan. L-inċident seħħ għall-ħabta tat-3.30am fi Triq Santu Wistin.

Fil-post, il-Pulizija sabu lill-Ispanjol ferut mal-art, filwaqt li ġew infurmati li l-barrani l-ieħor ħarab mill-post wara li ta daqqa ta’ ponn lill-vittma.

Mhux magħruf x’wassal għall-argument bejn iż-żewġ persuni.

L-Ispanjol ittieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura, fejn ġie ċċertifikat li qed isofri minn feriti gravi kawża ta’ xi ksur li ġarrab.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin u qed jitmexxew mill-Għassa ta’ San Ġiljan.