Sport Sport Ieħor

Sparar: Nathan Lee Xuereb jirbaħ il-midalja tad-deheb fil-Ġermanja

Wara żewġ Kampjonati Ewropej mirbuħa fl-2013 u fl-2014, Nathan Lee Xuereb kiseb il-midalja tad-deheb fil-Junior World Cup li qed isiru f’Suhl, il-Ġermanja. Iż-żagħżugħ Malti ħalla l-aħjar għall-aħħar meta laqat 29 minn total ta’ 30 target fil-logħba għal midalja tad-deheb meta għeleb lil James Dedman tal-Gran Brittanja li laqat 24 target.

Fis-semifinali, Xuereb ġie sfurzat għal shoot-off mat-Taljan Andrea Galesso meta t-tnejn laqtu 24 minn 30. Iżda l-atleta Taljan ra t-tamiet tiegħu li javvanza għal finali meta falla par mit-tlieta li kellu.

Kif spiċċaw:

  1. Nathan Lee Xuereb laqat 136/150 fir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni, 24/30 + 6 fis-semifinali u 29/30 fil-logħba għal midalja tad-deheb.
  2. James Dedman tal-Gran Brittanja
  3. Yukhimenko Viacheslav tar-Russja
  4. Andrea Galesso tal-Italja
  5. Alexander Mcmath tal-Gran Brittanja
  6. Tyler Deyo tal-Istati Uniti

Malti ieħor Gianluca Chetcuti, ukoll kien qed jikkompeti fl-istess kompetizzjoni. Hu spiċċa b’total ta’ 122/150. Jimmy Bugeja kien qed jassisti liż-żewġ atleti Maltin.

Xuereb issa se jkun qed jiffoka biex ikun fl-aqwa forma għal ‘The Malta International Grand Prix 2016 li se jsir bejn it-8 u l-15 ta’ Mejju fil-Bidnija.

Il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isport David Agius feraħ personalment lil Nathan Lee Xuereb għas-suċċess tiegħu f’dan l-isport li dejjem jagħti sodisfazzjoni lill-isport Malti.

Fi stqarrija uffiċjali, is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Chris Agius awgura wkoll lit-tiratur żagħżugħ Malti Nathan Lee Xuereb għar-rebħ tal-midalja tad-deheb fit-tazza tad-dinja tal-Juniors.