Internazzjonali

L-Istati Uniti: L:-isplużjoni fi New York kienet ‘att ta’ terroriżmu’

 

Indarbu tal-anqas 30 persuna fi splużjoni li heżżet id-distrett ta’ Chelsea, fl-inħawi ta’ Manhattan, fi New York, u li tidher saret bi skop terroristiku.

Il-Gvernatur ta’ New York, Andrew Cuomo, tkellem dwar l-element ta’ terrur involut iżda ma jidhirx li nstabet konnessjoni mal-gruppi tat-terroristi internazzjonali, fosthom l-ISIS.

Intant, Cuomo qal li l-isplużjoni ‘terroristika’ li saret fis-sigħat bikrin tal-Ħadd ikkaġunat il-ħsarat sinifikanti, anki jekk b’xorti tajba ħadd ma tilef ħajtu.

L-awtoritajiet fi New York, fl-aħħar sigħat, kienu qegħdin jistazzjonaw mal-1,000 membru tas-sigurtà addizzjonali fil-hubs tat-trasport ta’ New York. Min-naħa tiegħu, il-Gvernatur Cuomo għamilha ċara li l-persuni responsabbli għall-isplużjoni ‘se jinqabdu u se ssir il-ġustizzja magħhom’.

Cuomo tenna li l-attakk inkwistjoni kien tipiku ‘tax-xenarji tal-waħx’ li Gvernatur ta’ Stat Amerikan ikollu jiffaċċja kull tant żmien.Madankollu hu qal li l-awtoritajiet fi New York ma kellhomx raġuni għalfejn jaħsbu li teżisti xi theddida immedjata oħra għall-inħawi.

Dan meta d-distrett ta’ Chelsea hi fost l-aktar zoni frekwentati ta’ Manhattan, bl-istabbilimenti tax-xorb u r-ristoranti fl-inħawi jkunu dejjem iffullati fi tmiem il-ġimgħa.

L-isplużjoni qawwija faqgħet it-twieqi tal-bini fil-viċinanzi u setgħet tinstama’ minn zoni oħrajn ta’ New York.

Il-pulizija li kienu qed jagħmlu l-investigazzjonijiet fid-distrett tal-isplużjoni aktar tard sabu tagħmir identifikat bħal pressure cooker bil-wire li kien imqabbad ma’ telefon ċellulari u li seta kien ipprogrammat biex jisplodi minn ħin għal ieħor. Il-pulizija neħħew dan it-tagħmir mill-inħawi mingħajr l-ebda inċident.

L-aħħar rapporti qalu li l-midruba mill-isplużjoni ħarġu mill-isptar fejn kienu rikoverati.