Għawdex Lokali

IL-BOMBA FIX-XAGĦRA: evitata dik li setgħet kienet traġedja kbira

minn Matthew Mamo

Jismu Sandro Ciliberti l-Malti li kien fil-mira ta’ bomba li tpoġġiet mad-dar tiegħu. Il-bomba tpoġġiet matul dan il-lejl, u l-isplużjoni tant kienet qawwija li ikkawżat ħsara mhux biss fil-karozza iżda anke fil-bieb tal-garaxx.

Ciliberti huwa negozjant Malti li ilu snin joqgħod Għawdex. Is-sorsi tagħna qed jindikaw li l-Pulizija qed jimxu fuq it-teorija li n-negozjant kien fil-mira bi pjan premeditat.

L-AĦĦAR ŻVILUPPI

Mill-movimenti tal-esperti forensiċi fil-post tal-isplużjoni, huwa evidenti li instabu oġġetti tal-ħadid fl-istess triq u fi Triq Parisot, li tinsab kantuniera ma’ Triq Ġnien Xibla. Fi Triq Parisot dehret ħofra li qed tiġi wkoll investigata.

Jirriżulta li l-bomba tpoġġiet wara l-ħasira ta’ quddiem il-bieb tad-dar ta’ Ciliberti.

In-negozjant għandu kameras tas-sigurta’ mad-dar tiegħu, li qed jiġu ukoll investigati.

Dan is-sit jista’ jikkonferma li ġiet evitata tragedja. Fil-fatt, għall-ħabta ta’ nofsinhar inħarġu 4 ċilindri gass, kollha mgħattna bid-daqqa tal-isplużjoni.

AKTAR KMIENI

Illum għall-ħabta tal-03:50am il-Pulizija ġew infurmati li ġewwa Triq Ġnien Xibla x-Xagħra, Għawdex, kienet instemgħat splużjoni.

Il-Pulizija mid-Distrett tar-Rabat, Għawdex, marru immedjatament fuq il-post, fejn minn stħarriġ illi sar ġie nnutat li l-isplużjoni kienet seħħet ma’ residenza. Filwaqt li ħadd ma weġġa’ f’dan l-inċident, kawża ta’ din l-isplużjoni żewġ vetturi, waħda ta’ tip Mercedes Benz u oħra ta’ tip Ford Transit li kienu pparkjati quddiem ir-residenza kif ukoll l-bieb tal-garaxx tar-residenza ġarbu xi ħsarat.

Xibla

Fuq il-post issejħu membri mill-Forzi Armati ta’ Malta kif ukoll membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jassistu.

Bil-każ ġie nfurmat il-Maġistrat tal-Għassa Paul Coppini li ħatar diversi esperti sabiex jassistuh fl-inkjesta li ġiet appuntata.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.