Internazzjonali

Splużjoni ta’ bomba fl-inħawi tal-metro ta’ Istanbul

Rapporti li deħlin, bħalissa, mit-Turkija rreferew għal splużjoni li seħħet ftit tal-minuti ilu f’inħawi qrib l-istazzjon tal-metro fil-belt prinċipali ta’ Istanbul.

L-iskwadri għall-emerġenza qegħdin jaslu fis-sit tal-isplużjoni ħdejn l-istazzjon ta’ Bayrampasa fejn indarbu talanqas ħamsa.

Filwaqt li d-dettalji għadhom xi ftit konfużi, is-Sindku tad-distrett fejn seħħet l-isplużjoni rrefera għal bomba li, allegatament, tħalliet fuq pont fiz-zona tal-istazzjon.

L-awtoritajiet f’Istanbul, għalissa, sospendew is-servizzi fin-network tal-metro, b’numru ta’ ferroviji jinsabu wieqfa. Rapporti oħra qalu li l-isplużjoni nstemgħet f’diversi bnadi ta’ Istanbul u għalkemm ma pproduċietx in-nirien kienet qawwija biżżejjed biex tifqa’ t-twieqi ta’ xi vetturi fiz-zona.