Lokali

Studenta fl-Università ta’ Malta sfurzata tieqaf milli tkompli tagħmel volontarjat minħabba lezzjonijiet fit-tard

Żagħżugħa, studenta l-Universita’ ta’ Malta, li taħdem ukoll b’mod volontarjat bħala leader, se jkollha twaqqaf ħesrem ix-xogħol volontarjat tagħha minħabba li l-lezzjonijiet li jdumu sat-8 ta’ filgħaxija se jinzertaw fil-ġurnata li tmexxi grupp ta’ adoloxxenti.

3 organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ f’Malta, iż-ŻAK (Żgħażagħ Azzjoni Kattolika), il-Malta Girl Guides u l-iScouts Association of Malta, fi stqarrija konġunta li ppubblikaw qalu li sena wara sena qed jiffaċjaw l-istess problema u li kontinwament qed ikollhom jaraw kif se jsolvu l-problema biex inaqsu l-impatt negattiv fuq il-ħidma volontarja li qed titwettaq mal-membri tagħhom.

Dawn it-3 għaqdiet qed jipproponu li l-lekċers jintemmu aktar kmieni, mhux biss minħabba li ż-żgħażagħ ma jistgħux jinvolvu ruħhom f’volontarjat u attivitajiet oħra, iżda dawn it-3 għaqdiet jisħqu li mhux sew li studenti universitarji jqattu 12-il siegħa l-Universita’.

Diversi żagħżagħ li tkellmu ma’ netnews.com.mt qalu li jinsabu urtati li minħabba li l-lezzjonijiet tagħhom fl-Universita’ ta’ Malta qed idumu sat-8 ta’ filgħaxija, qed jispiċċaw iwarbu diversi attivtajiet, fosthom il-volontarjat.

JCI Malta, li tirrapreżenta liż-żgħażagħ u l-istudenti fil-Kunsill Malti għall-Ekonomija u l-Iżvilupp Soċjali, tappoġġja l-appell ta’ dawn l-organizzazzjonijiet u tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ fis-soċjeta’.