Edukazzjoni Lokali

Studenti għadhom jistennew riżultati tar-resits; l-SDM tappella għal azzjoni

L-istudenti li għamlu r-resits tal-A Levels u tas-suġġetti fil-livell Intermedjarju, f’Settembru, għadhom qed jistennew ir-riżultati u dan minkejja li s-sena akkademika għall-istudenti Universitarji bdiet il-bieraħ, l-istudenti li se jmorru Giovanni Curmi Higher Secondary jibdew illum, is-sena skolastika fil-Junior College tibda l-ġimgħa d-dieħla u l-Erbgħa tibda l-Fresher’s week fl-MCAST.

Minn tagħha l-għaqda Studenti Demokristjani Maltin, l-SDM qalet li hu tal-mistħija kif dawn l-istudenti għadhom ma jafux x’għażla se jagħmlu f’dak li hu studju hekk kif għadhom ma jafux jekk għaddewx mill-eżamijiet jew le.

Għalhekk l-SDM qed tappella lill-bord tal-MATSEC sabiex jippubblika r-riżultati minnufih filwaqt li jirrevedi s-sistema ta’ kif u meta jinħarġu r-riżultati tar-resits u dan għall-ġid tal-futur tal-istudenti.