Edukazzjoni

Studenti jitilfu kważi 600,000 ġurnata skola f’sena

Fis-sena skolastika ta’ bejn l-2013 u l-2014, l-istudenti li jattendu l-iskejjel primarji u sekondarji f’Malta u f’Għawdex tilfu total ta’ 597,239 ġurnata ta’ skola, ekwivalenti għal medja ta’ 13-il ġurnata għal kull student.

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika qal li din iċ-ċifra turi tnaqqis ta’ 15.9% fuq is-sena skolastika preċedenti, bi tnaqqis ta’ 24.6% fin-numru ta’ ġranet awtorizzati u bi tnaqqis ta’ 2.2% għall-ġranet mitlufa mhux b’mod awtorizzat. Iċ-ċifri juru wkoll medja ta’ 7.2 ġranet mitlufa b’mod awtorizzat u medja ta’ 5.9 ġranet mitlufa mhux b’mod awtorizzat għal kull student.

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika qal li l-istudenti subien tilfu iktar jiem ta’ skola minn dawk bniet għalkemm kien hemm tnaqqis fil-jiem mitlufa għal kull età ta’ studenti. L-inqas li tilfu skola kienu dawk ta’ 9 snin, b’medja ta’ 8.1 ġurnata, l-iktar li tilfu skola kienu l-istudenti ta’ 16-il sena b’medja ta’ 22.4 ġurnata.

L-assenteiżmu mhux awtorizzat fl-iskejjel tal-Gvern naqas b’4.9% imma żdied dak fi skejjel tal-Knisja u indipendenti.

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika spjega li l-istudenti fi skejjel tal-istat f’Għawdex kellhom l-ikbar tnaqqis fil-jiem li ma marrux l-iskola, u rreġistraw ukoll l-inqas medja ta’ assenteiżmu b’medja ta’ 9.8 ġranet għal kull student. Bil-maqlub kienu l-istudenti fid-distrett tal-Port il-Kbir li akkumulaw l-ikbar medja ta’ ġranet assenti, b’medja ta’ 20.1 ġurnata għal kull student.