Internazzjonali

Suċċess kbir għal Beyonce fl-MTV Video Music Awards 2016

Il-kantanta popolari Amerikana, Beyonce, iddominat it-33 serata tal-MTV Video Music Awards tal-2016 li kienet organizzata f’Madison Square Garden, fi New York, fl-Istati Uniti.

Beyonce, li kienet innominata għal tmien premjijiet, rebħet seba’ minn dawn l-awards, fosthom il-premju prestiġjuż għall-Video tas-Sena, għall-kanzunetta Formation.

L-avveniment tal-MTV Video Music Awards isir kull sena biex jippremja lill-mużiċisti għall-preżentazzjonijiet viżwali tal-kanzunetti tagħhom.

Beyonce rebħet ukoll (fost oħrajn) il-premjijiet għall-Best Female Video, kif ukoll għall-Aqwa Direzzjoni u l-Aħjar Ċinematografija. Intant, wieħed mill-premjijiet, waqt is-serata, ingħatalha mingħand erba’ membri tat-tim Olimpiku Amerikan tal-ġinnastika, qabel hi kkonkludiet is-serata b’medley ta’ kanzunetti meħuda mill-aħħar album tagħha, bl-isem Lemonade.

Rebbieħa oħra tal-MTV Video Music Awards kienu jinkludu lil Calvin Harris, il-Fifth Harmony u r-rapper Kanadiż, Drake. Fl-istess ħin, il-mibki kantant David Bowie kien onorat permezz tal-aħħar album tiegħu, Blackstar, li ngħata l-premju għall-Aħjar Direzzjoni Artistika.

Il-kantanta Rihanna rebħet il-Michael Jackson Vanguard Award, li jirrikonoxxi x-xogħol mużikali ‘komplut’ ta’ kantant jew kantanta –  bi Drake jieħu ħsieb il-preżentazzjoni.

Personalitajiet mużikali bħal Nicki Minaj, Britney Spears u Ariana Grande ukoll telgħu fuq il-palk, fi New York, biex jinterpretaw il-kanzunetti rispettivi għall-konklużjoni tal-programm tal-MTV Video Music Awards tal-2016.

Intant, l-organizzaturi tal-avveniment huma kuntenti li din is-serata mużikali speċjali għaddiet mingħajr xi kontroversja tipika  – kuntrarju għas-snin preċedenti.