Lokali Mużika

Suċċess minn kantanti Maltin f’Festival prestiġġjuż fir-Rumanija

Grupp ta’ kantanti Maltin kellhom esperjenza pożittiva f’kompetizzjoni internazzjonali f’Iasi, ir-Rumanija. Il-kantanti Maltin ħadu sehem fis-seba’ edizzjoni tal-Festival Music for Kids 2016.

Il-parteċipazzjonji tagħhom kienet riżultat li kisbu f’April li għadda fis-sitt edizzjoni tal-Festival Internazzjonali Malta International Singers’ Festival – Euro Stars, imtella minn Stardust Promotions.

Elisa Muscat, ta’ disa’ snin, kisbet l-ewwel post flimkien ma’ Quivan Agius fit-tieni kategorija. Fit-tielet kategorija, Emma Cutajar kisbet it-tieni post bil-kanzunetta “Girl on Fire”, filwaqt li Kacey Azzopardi ġiet it-tielet post.

Fil-ħames kategorija, Shazay Grima ġiet fl-ewwel post bil-interpretazzjonji tal-kanzunetta “I’m in Love with a Monster”, filwaqt li fis-sitt kategorija, Kayley Cuschieri rebhet l-‘overall’ bil-kanzunetta “Upside Down” u Reanue Falzon ġiet it-tielet post.

Fis-seba’ kategorija, Arianna Mallia kisbet l-ewwel post.

Il-kantanta Nicole Hammet rebħet l-‘overall’ bil-kanzunetta “O Fortuna / Believe” u l-kantanti ċkejknin Elisa Muscat u Emma Cutajar rebħu l-‘overall’ tal-gruppi bil-kanzunetta oriġinali “Boogie Woogie”, miktuba minn Kaya u Dorian Psaila.

Arianna Mallia u Reanue Falzon ġew fl-ewwel post fil-kategorija tal-gruppi.

Waqt il-Festival, Quivan Agius, Elisa Muscat, Shazay Grima u Nicole Hammett ġew magħżula biex jieħdu sehem fil-World Performing Arts Festival f’Hollywood.

Dan il-Festival ra wkoll il-parteċipazzjonji tal-preżentatriċi Maltija ta’ NET Television Francesca Zarb, li ppreżentat is-serata.

Fi stqarrija, id-Direttur ta’ Stardust Promotions irringrazzja lill-organizzaturi tal-Festival, lill-kantanti u lill-għalliema tagħhom. Hu qal li dan il-Festival prestiġjuż kien opportunità għat-talent Malti biex jiksbu esperjenza ġdida fil-karriera tagħhom lil hinn minn xtutna.