Internazzjonali

IS-SUMMIT DWAR IL-KLIMA COP21:Impenn għal proġetti fl-Afrika

Il-President ta’ Franza Francois Hollande qal li pajjiżu se jinvesti żewġ biljun ewro fi proġetti għall-enerġija li tiġġedded għall-Afrika u biex jiżdied l-aċċess ta’ dan il-kontinent għal sorsi tal-elettriku.

Hollande kien qed jitkellem waqt is-summit ta’ COP21 li għaddej f’Pariġi u li qed jindirizza l-isfidi u l-bidliet tal-klima. Dan meta numru ta’ Mexxejja Afrikani qed jiffaċċjaw l-isfidi għall-ambjent li jinkludu tnaqqir ta’ foresti u żieda fil-livelli tal-baħar.

COP21 qed jenfasizza wieħed mill-akbar dibattiti fl-isforz lejn ftehim internazzjonali biex id-dinja tikkumbatti l-global warming. Hawnhekk wieħed irid jara l-livell tal-għajnuna li l-istati sinjuri jridu jagħtu lill-istati foqra biex jgħinuhom jadattaw għall-bidliet fil-klima u jnaqqsu l-emissjoni tal-gassijiet.

Il-konferenza COP21 bdiet nhar it-Tnejn meta l-Presidenti, Prim Ministri u Prinċpijiet ħeġġew lid-delegati biex jibnu dinja aħjar għall-futur.

In-negozjati issa bdew bis-serjetà, meta l-impenn ewlieni hu li jsir magħruf min se jħallas għal dak kollu li l-Mexxejja qalu li jeħtieġ li jsir dwar il-klima.

Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw qalu li jeħtieġu appoġġ finanzjarju u t-teknoloġija għar-rilokazzjoni tal-popli taħt theddida. Ħtieġa oħra tinvolvi mezzi li jgħinu lil dawn il-pajjiżi biex iwettqu t-tranżizzjoni tagħhom għal enerġija aktar nadifa.

Filwaqt li waqt is-summit tħabbret l-introduzzjoni ta’ fond ġdid, il-pajjiżi sinjuri impenjaw total ta’ 248 miljun dollaru lejn dan it-tragward.

It-taħditiet f’Pariġi, li jkomplu sal-11 ta’ Diċembru, qed jaħsbu fi ftehim aktar konkret li jieħu post il-Protokoll ta’ Kyoto tal-1997. It-trattat inkwistjoni kien jirrikjedi li l-pajjiżi sinjuri biss inaqqsu l-emissjonijiet u din id-darba hu d-dmir ta’ kulħadd li jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-kriżi ambjentali.

F’diskors waqt COP 21 f’Pariġi, il-Prim Ministru Malti Joseph Muscat enfasizza l-importanza li din il-kwistjoni tkun trattata fuq żewġ fronti; permezz ta’ ġlieda kontra l-faqar u impenn favur klima sigura.