Lokali Parlament

Tank tal-gass fi triq residenzjali f’Għawdex qabel ma ħareġ il-permess

Appell lill-Gvern jirtira l-applikazzjoni fil-qalba tar-Rabat f’Għawdex li tpoġġa fit-triq eżatt taħt dar tal-anzjani mmexxija mis-sorijiet

Tank tal-gass biex jinxtegħlu fjammi quddiem żewġ monumenti fil-qalba tar-Rabat f’Għawdex tpoġġa fit-triq eżatt taħt id-dar tal-anzjani ta’ Triq il-Kastell immexxija mis-sorijiet, meta għadu ma ħariġx il-permess mill-MEPA.

Dan jirriżulta minn mistoqsija parlamentari li għamel ix-Shadow Minister għal Għawdex, Chris Said, li staqsa lill-Ministru għal Għawdex jgħid jekk hux minnu li se jsir tank bil-ħażna tal-gass taħt l-art fi Triq il-Kastell jew f’xi triq fil-viċin, u jekk iva, għaliex se ssir din il-ħażna ta’ gass qalb l-abitat, hemmx il-permessi kollha neċessarji biex isir dan, u jekk ġewx ikkonsultati r-residenti tal-inħawi dwar din il-ħażna.

Il-Ministru Anton Refalo kkonferma li l-Ministeru għal Għawdex issottometta applikazzjoni mal-MEPA (PA03860/15) li bħalissa għadha qed tiġi pproċessata.

F’din l-applikazzjoni, qed jiġi propost li jsir tank għall-ħazna tal-gass u sistema ta’ pajpijiet biex jinxtegħlu żewġ fjammi quddiem il-Monument tal-Vittmi tal-Gwerra fi Pjazza Indipendenza, u fjamma quddiem il-Monument li jfakkar l-Invażjoni t’Għawdex fl-1551.

Il-Ministru Refalo qal li kif mitlub mil-liġi, il-MEPA avżat lir-residenti permezz ta’ tabelli li twaħħlu fil-madwar u permezz ta’ avviżi li ġew impustati lir-residenti. Ir-residenti kellhom id-dritt li jissottomettu oġġezzjoni għal dan l-iżvilupp. Barra minn hekk, bħala parti mill-applikazzjoni qed jitħejja risk assessment minn inġinier kwalifikat u minn Health and Safety Officer biex jindika hemmx possibbiltà ta’ riskji.

Mitlub jikkummenta dwar it-tweġiba tal-Ministru għal Għawdex, ix-Shadow Minister Chris Said qal li r-residenti rċivew ittra biss wara li saret din il-mistoqsija parlamentari.

Appella li l-Gvern jirtira l-applikazzjoni għaliex is-saħħa u sigurtà tar-residenti tiġi qabel kollox quddiem riskju bla bżonn, żgħir kemm hu żgħir ir-riskju.