Internazzjonali

Tarbija abbandunata f’xena tan-Natività

Tifel li għadu kemm twieled u li kien għadu bil-kurdun, instab abbandunat f’nofs xena tan-Natività tal-Milied fi knisja ta’ New York.
Il-kustodju tal-knisja ddedikata lill-Bambin Ġesù, li tinsab fil-muniċipju ta’ Queens, irritorna wara l-ħin tal-ikel u sab lit-tarbija mgeżwra fix-xugamani ġo maxtura li kienet tqiegħdet hemm ftit qabel. Aktar ’il quddiem, il-paramediċi ħadu lit-tarbija, li kienet tinsab f’kundizzjoni ta’ saħħa tajba, lejn sptar fiz-zona.
Intant, il-kustodju rrakkonta li qabel ħareġ, kien qiegħed il-maxtura vojta f’nofs ix-xena tan-Natività f’parti prominenti tal-knisja faċċata ta’ fejn jinġemgħu n-nies. Hu ħalef li dak il-ħin ma kien hemm ħadd barra l-knisja u li hekk kif reġa’ lura, sema’ l-biki tat-tarbija ftit qabel lemaħ liċ-ċkejken fil-maxtura.
Qed jingħad li filmat meħud mill-mezzi tas-sorveljanza juri mara dieħla fil-knisja bit-tarbija f’dirgħajha u ftit wara tidher ħierġa minn hemm b’idejha vojta. Il-każ seħħ ftit qabel il-festa ta’ Thanksgiving li l-Istati Uniti ċċelebrat ilbieraħ.
L-Istat ta’ New York jippermetti li ġenitur jabbanduna tarbija li tkun għadha kemm twieldet sal-ewwel 30 jum ta’ ħajja. Il-ġenituri, f’każi bħal dawn, ma jkunux ipproċessati dment li ma jabbandunawx it-tarbija f’ċirkostanzi ta’ periklu.