Sport Waterpolo

Tasal il-konferma mingħand San Ġiljan

Wara li lbieraħ dan is-sit kif ukoll il-gazzetta “In-Nazzjon” ħarġu l-aħbar dwar il-possibiltà imminenti li jiġu konklużi n-negozjati, il-klabb ta’ San Ġiljan ASC Salini Resort ħabbar li jinsab f’negozjati avvanzati biex it-tliet plejers mill-iskwadra tiegħu, Dino Zammit, Andrea Galea u Ben Plumpton, iħallu Malta fil-jiem li ġejjin u jingħaqdu mal-klabb Serb ta’ Vojvodina li jilgħab fl-Ewwel Diviżjoni tal-kampjonat Serb kif ukoll fil-kampjonat Adrijatiku li fih jieħdu sehem fost l-aqwa timijiet fl-Ewropa.

Il-klabb ta’ San Ġiljan ilu għal xi żmien jaħdem biex plejers tiegħu ikollhom din l-opportunità u jibgħat plejers jitħarrġu u jilagħbu barra l-pajjiż, fejn fost l-oħrajn din tkun esperjenza li minna igawdu kemm il-plejers kif ukoll il-klabb.

Peress li l-klabb ta’ San Ġiljan għandu relazzjonijiet tajbin ħafna mal-klabb Serb, l-istess klabb li minnu ġew il-kowċ Marko Orlovic, il-kowċ tal-juniors ta’ dan is-sajf Igor Vukanovic, li flimkien din is-sena rebħu 3 tazzi tal-kbar u il-kampjonati tal-kategoriji ta’ taħt is-17 u l-20 sena, u fejn ukoll beda il-karriera tiegħu Boris Vapenski, il-barrani ta’ San Ġiljan għal dawn l-ahhar sentejn, din issa setgħet issir realtà u dawn it-tlett plejers se jkunu l-ewwel plejers li jingħaqdu ma’ dan il-klabb. Dan sar ukoll permezz tal-intervent tal-kowċ Marko Orlovic li personalment intervjena u ta’ r-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-klabb Serb.

San Ġiljan ASC jinsabu ċerti li din l-esperjenza se tiswa kemm lill-plejers kif ukoll lill-klabb biex meta jirritornaw lura għall-Kampjonat tas-Sajf, il-klabb ikun iktar b’saħħtu kif ukoll preparat. Din mhux se tkun l-ewwel u l-aħħar inizjattiva li jieħu dan il-klabb u diġà qed isiru arranġamenti biex plejers oħra ikollhom opportunitajiet biex imorru jilagħbu u jitħarrġu barra minn Malta.