Edukazzjoni Lokali

Taxxa ġdida fuq l-Għalliema tal-Ingliż

Il-Gvern impona fuqna taxxa ġdida. Hekk stqarrew ma’ NETnews.com.mt diversi Għalliema tal-Ingliż li minn din is-sena se jibdew iħallsu biex ikollhom il-liċenzja tagħhom imġedda.

Il-ħlas sar obligatorju għall-Għalliema tal-Ingliż permezz ta’ Ligi li daħħal il-Gvern f’Lulju li għadda, bil-Liġi issa qed tiġi fis-seħħ. L-Għalliema ġew infurmati b’din it-taxxa ġdida permezz ta’ email mibgħuta fit-3 ta’ Frar mill-Ministeru tal-Edukazzjoni. Grazzi għal din it-taxxa l-ġdida, l-Għalliema jridu jħallsu r-renewal fee ta’ €20.

Għal bosta Għalliema, dan ix-xogħol hu wieħed part-time bi dħul minimu. B’hekk, dawn qed isostnu li d-dħul tagħhom se jitnaqqar aktar b’din it-taxxa indiretta ġdida li impona fuqhom il-Gvern, tant li ħafna minnhom qed jikkunsidraw li lanqas biss jibqgħu jgħallmu.